Futbol internazzjonali
Tliet timijiet Maltin impenjati fil-UEFA Europa Conference League f’din il-ġimgħa … diġà jafu ma’ min jistgħu jilagħbu jekk jgħaddu minn din il-fażi

Filwaqt li t-timijiet Maltin ser jikkompetu fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League matul din il-ġimgħa, jafu wkoll ma’ liema oppożizzjoni jistgħu jiltaqgħu jekk jagħmluha minn din il-fażi.

L-ewwel tim li ser ikun fl-azzjoni hu Hibernians, li qed jikkompeti f’din il-kompetizzjoni wara li kien eliminat mill-UEFA Champions League fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni. Il-Pawlisti llejla jkunu fl-azzjoni fid-21:00 meta f’San Marino jilagħbu kontra Folgore. It-tieni leg jintlagħab bħal-lum ġimgħa fis-Centenary Stadium. Jekk kemm-il darba l-Pawlisti jagħmluha minn dan ir-rawnd, allura mbagħad jaffaċċjaw lil Riga tal-Latvja jew Shkëndija tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Birkirkara u Gżira United jidħlu fl-azzjoni nhar il-Ħamis li ġej, bil-Karkariżi jmorru l-Islovenja filwaqt li l-Maroons jilagħbu f’pajjiżna.

Birkirkara għandhom il-konfront kontra Olimpija Ljubljana fis-18:00, bit-tieni leg jintlagħab ġimgħa wara fis-Centenary Stadium. Min jirbaħ bejn dawn iż-żewġ timijiet jiltaqa’ kontra FC Shkupi 1927 mill-Maċedonja ta’ Fuq jew Santa Clara tal-Portugall.

Gżira United jilagħbu l-ewwel leg fis-Centenary Stadium kontra l-Kroati ta’ Rijeka, bit-tieni leg jintlagħab il-Ħamis 29 ta’ Lulju. Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab jew kontra Hibernian tal-Iskozja, inkella kontra Santa Coloma t’Andorra.

L-ewwel leg ta’ Gżira United ser jintwera dirett fuq TVM2, bil-logħba tibda fis-19:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA