Olimpijadi TOKYO 2020
Tom Pidcock jirbaħ id-deheb wara li xahar ilu kiser għadma f’għonqu u rekords olimpiċi ġodda fl-isparar

Mountain Bike

Il-Brittaniku Tom Pidcock sar l-iżgħar champion tal-mountain bike fl-Olimpjadi. Fil-korsa t’Izu, il-ġuvni ta’ 21 sena mar fuq quddiem mar-raba’ lap, u spiċċa l-ewwel b’20 sekonda fuq l-Iżvizzeru Mathias Flueckiger li daħal it-tieni. Tant il-Brittaniku kien fuq quddiem li saħansitra kellu ċ-ċans jaqbad bandiera tal-Union Jack u jibqa’ dieħel biha fil-metri finali. Għal Pidcock din kienet rebħa kbira hekk kif xahar ilu kiser għadma minn għonqu waqt it-taħriġ. L-Ispanjol David Valero Serrano daħal fit-tielet post u rebaħ il-bronż.

Il-Franċiż Mathieu Van der Poel, li kien il-favorit li jirbaħ it-tellieqa, spiċċa ħażin wara li waqa’ minn fuq ir-rota mal-ewwel lap, u għalkemm beda jirkupra, mal-ħames lap iddeċieda li jieqaf. Jidher li Van der Poel tfixel għax ħaseb li kien hemm rampa, u kellu jittieħed l-isptar minħabba uġiegħ f’ġenbu.

 

Sparar bil-Qaws

Il-Korea t’Isfel rebħet id-deheb fil-kategorija tal-irġiel, u b’hekk rebħet it-tielet midalji simili f’dawn l-Olimpjadi. Iż-żagħżugħ Kim Je Deok, li għalih din hija l-ewwel edizzjoni, rebaħ it-tieni midalja tad-deheb personali, meta fil-finali il-Korea t’Isfel għelbet lit-Tajwan 6-0. Ir-rebħa fil-kategorija tat-timijiet kienet it-tieni waħda għal Je Deok li s-Sibt li għadda rebaħ fil-kategorija tat-timijiet imħallta. Kim Je Deok huwa l-iżgħar atleta li qatt rebaħ id-deheb għal pajjiżu. B’hekk il-Koreani rebħu sitt midalji tad-deheb fl-isparar bil-qaws f’edizzjonijiet differenti, fosthom fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016.

 

Basketball

L-Isloven Luka Doncic għal ftit ma kisirx ir-rekord Olimpiku tal-aktar punti minn plejer wieħed meta ġabar 48 punt għal pajjiżu fil-logħba kontra l-Arġentina. Il-plejer ta’ Dallas Mavericks għen lill-Islovenja tirbaħ 118-100 kontra l-Arġentina. Ir-rekord tal-aktar punti minn plejer wieħed fl-Olimpjadi huwa ta’ 55, imwaqqaf mill-Brażiljan Oscar Schmidt fl-1988.

 

Sparar

Fl-iskeet, l-Amerikani Vincent Hancock u Amber English rebħu l-midalji tad-deheb rispettivament. Għal Hancock din kienet it-tielet darba li rebaħ id-deheb f’edizzjonijiet differenti. Fix-shooting range t’Osaka, l-Amerikan ta’ 32 sena reġa’ kien fl-aqwa tiegħu u saħansitra waqqaf rekord olimpiku ġdid. Huwa tilef biss plattina waħda minn sittin. Id-Daniż Jesper Hansen rebaħ il-fidda u Abdullah Alrashidi tal-Kuwajt rebaħ il-bronż.

Rekord olimpiku wkoll fil-kategorija tan-nisa meta Amber English laqtet 56 plattina mis-60 finali. Hija għelbet l-isfida tat-Taljana Diana Bacosi, li min-naħa tagħha ddedikat il-midalja tal-fidda lill-poplu Taljan. Iċ-Ċiniża Wei Meng temmet fit-tielet post u rebħet il-bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA