Futbol lokali
‘Tony Bezzina Stadium’, l-isem il-ġdid tal-istadium ta’ Hibernians FC

Il-Hibernians Stadium f’Kordin, minn dalgħodu sar jismu ‘Tony Bezzina Stadium’.

Din l-aħbar ħarġet mil-Laqgħa Ġenerali Annwali virtwali li saret dalgħodu tal-klabb ta’ Hibernians.

Tony Bezzina kien se jagħlaq 43 sena President ta’ Hibernians FC fil-11 ta’ Ġunju li ġej. Hu kien inħatar fil-kariga fl-1978. Huwa miet fil-15 ta’ Marzu li għadda.

L-isem ta’ Tony Bezzina Stadium sar wara proposta li kien hemm fil-Laqgħa minn Jesmond Abela, t-Team Manager ta’ Hibernians u għal snin twal, l-id il-leminija ta’ Tony Bezzina.

Din il-proposta ġiet issekondata minn Alex Montebello, Viċi President tal-klabb.

Fil-Laqgħa ta’ dalgħodu, Ranier Bezzina, iben Tony, inħatar uffiċjalment President ta’ Hibernians FC għall-ewwel darba biex ħa post missieru.

Miktub minn...
TVM Sport