Futbol internazzjonali
Tottenham – Chelsea, fis-77 minuta: Għalfejn Eric Dier daħal jiġri fid-dressing room għal ftit sekondi?

Dak li ġara lbieraħ fil-partita mill-EFL Cup f’Londra bejn Tottenham u Chelsea daħħal kurżità kbira fil-media internazzjonali, inkluż mal-kummentatur tal-partita li kien għaddej dirett bix-xandira.

Jidher li Eric Dier ma felaħx jissaporti u jistenna sal-aħħar tal-partita tant li fis-77 minuta deher jiġri kemm jiflaħ lejn id-dressing room u ħalla lil kulħadd mistgħaġeb ma jafx x’ġara.

Dan l-inċident seħħ meta Chelsea kienu għadhom gowl minn fuq u jinsab irrapurtat bi prominenza fil-gazzetti u s-siti sportivi kollha madwar l-Ewropa, b’mod speċjali fir-Renju Unit.

Wara ftit sekondi, il-manager Jose Mourinho deher iħalli postu wkoll u b’ħasda kbira, flimkien mat-Tabib tat-tim, daħlu jiġru fid-dressing room wara Dier biex ikunu jafu eżatt x’ġara u jekk il-plejer ġralux xi ħaġa ħafna aktar serja.

Jidher li mhux Mourinho biss kien il-persuna li ma kienx ċert x’seta’ ġara, tant li għal ftit sekondi, il-konċentrazzjoni tax-xandira televiżiva ma baqgħatx fuq il-partita, iżda marret fid-daħla għad-‘dressing rooms’, xi ġralu Dier u x’se tkun ir-reazzjoni ta’ Mourinho.

Mistoqsi wara l-partita, Dier qal: “Kulħadd seta’ jimmaġina xi ġrali. Ma flaħtx nissaporti aktar. Issa ħafna aħjar u qatt ma ħassejt dak l-uġigħ f’daqqa fl-istonku. Ma stajt nagħmel xejn aktar. Meta jkollok tmur, ikollok tmur. Hemm affarijiet fil-ħajja li ma tistax twaqqafhom,” qal Dier.

Mistoqsi jekk qalx lil xi ħadd dak il-ħin qabel ma daħal jiġri, Dier irrisponda: “Minix ċert jekk il-Manager indunax xi ġrali. Qabel ma dħalt avżajt lil Hojbjerg u Alderweireld li kont se nħalli l-pitch għal ftit sekondi għax ma flaħtx aktar,” qal Dier.

Eric Dier dam kważi tliet minuti sakemm daħal u ħareġ u kien wieħed mill-penalty takers ta’ Tottenham Hotspur, li rnexxielhom iġibu d-draw u jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss.

Miktub minn...
TVM Sport