Ċikliżmu
Tour de France – Mark Cavendish jirbaħ stadju fi Franza wara ħames snin

Mark Cavendish irritorna għar-rebħ fit-Tour de France meta rebaħ stadju, u għamilhom 31 stadju fil-karriera. Cavendish kien ilu ma jirbaħ fi Franza ħames snin.

Il-Brittaniku ħa sehem l-aħħar fl-2018, wara li s-sena ta’ qabel kien waqa’ bir-rota u kien anke ta x’jifhem li ser jirtira. B’din ir-rebħa issa resaq tliet rebħiet biss ‘il bogħod mir-rekord tal-Belġjan Eddy Merckx.

Kien fl-aħħar ftit metri li Cavendish mar fuq quddiem biex għeleb lill-Franċiż Nacer Bouhanni. Iċ-ċiklist tat-tim Deceuninck-Quick-Step qabeż ukoll lill-Belġjan Jasper Philipsen li daħal it-tielet u Mathieu van der Poel li għalkemm daħal fir-raba’ post baqa’ jżomm il-flokk l-isfar.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa jsir il-ħames stadju tat-Tour de France fuq distanza ta’ 27.2 kilometru minn Change għal Laval f’time trial.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA