Trasferimenti – Milan ineħħu lil Robinho u Constant, Reina jingħaqad ma’ Bayern Munich

Ġurnata mpenjattiva għal Milan li fl-aħħar siegħat ċedew għal kollox lill-Brażiljan Robinho li rritorna pajjiżu ma’ Santos, u d-difensur Kevin Constant li ħalla l-Italja biex issieħeb lil Trabzonspor fit-Turkija, min-naħa l-oħra Milan akkwistaw lill-winger Kolombjan, eks Udinese, Napoli u West Ham United, Pablo Armero.

Barcelona jagħmlu offerta lil Arsenal għad-difensur Belġjan Thomas Vermaelen, min-naħa tagħhom il-Gunners iridu lid-Daniż Daniel Agger, li mistenni jħalli lil Liverpool wara li dawn akkwistaw lid-difensur Kroat Dejan Lovren mingħand Southampton.

U trasferiment li qed jingħalaq propju f’dawn is-siegħat jara lill-gowlkiper Spanjol Pepe Reina jħalli b’mod permanenti lil Liverpool, biex jingħaqad maċ-ċampjins Ġermaniżi Bayern Munich.

Reina l-istagun li għadda kien misluf fis-Serie A mal-klabb ta’ Napoli.

Gowlkiper ieħor, il-Kosta Rikan Keylor Navas ġie ppreżentat bil-flokk il-ġdid tiegħu ma’ Real Madrid, Southampton viċin l-akkwist tal-gowlkiper internazzjonali Ngliż Fraser Forster mingħand Celtic, u l-winger Jordan Mutch ħalla lil Cardiff City u issa se jibqa fil-Barclays Premier League, meta ffirma ma’ Queens Park Rangers ta’ Harry Redknapp, biex sar it-tielet akkwist f’Loftus Road wara d-difensuri Rio Ferdinand u Steven Caulker.

Miktub minn...
Rodney Vassallo