Local Sports
TVMSport: Minn għada t-Tnejn, l-aħbarijiet, il-programmi u x-xandiriet sportivi fuq TVMNEWS+

Minn għada t-Tnejn 27 ta’ Settembru, tibda skeda ġdida ta’ stazzjoni ġdid, TVMNEWS+ u f’din l-iskeda se jiżdiedu sew l-aħbarijiet sportivi u anki l-programmi u x-xandiriet ta’ TVMSport.

L-aħbarijiet sportivi se jibdew jixxandru kważi kull siegħa, jibdew mid-9.00am sal-11.00pm, b’bullettini sħaħ fil-11.30am, fis-6.15pm u u fit-8.35pm.

Iżda mhux biss, l-iskeda ta’ TVMNEWS+ f’dawk li huma programmi sportivi se tiżdied ukoll b’aktar novità ta’ programmi matul il-ġimgħa.

Fil-ġranet tas-Sibtijiet u l-Ħdud, programm maratona li jibda minn kmieni wara nofsinhar u li jwassal sa tard filgħaxija fejn se jkun qed jiġbor fih l-aġġornament lokali sportivi kollha b’kollegamenti diretti ma’ diversi venues differenti.

Il-Ħadd filgħaxija jerġa jixxandar il-programm 90 Minuta fejn fih tingħata ħarsa lejn il-partiti kollha tal-Kampjonat Premier ta’ tmiem il-ġimgħa bl-intervisti mal-protagonisti.

Fost il-ġimgħa, Sports Panorama jieħu postu t-Tlieta filgħaxija u programm ġdid bl-isem ta’ L-Intervista, fl-istess ġurnata, meta ma jkunx imiss il-partiti tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League, li TVMSport se jibqa’ jxandar partita diretta kull nhar ta’ Erbgħa u Ħamis filgħaxija, segwieta bi programm wara ta’ diskussjoni ma’ mistiedna diversi.

TVMSport fuq TVMNEWS+ jibqa’ jxandar żewġ partiti diretti, flok waħda, mill-Kampjonat BOV Premier fi tmiem il-ġimgħa u l-partiti kollha, home u away tat-tim nazzjonali Malti.

Miktub minn...
TVM Sport