Futbol internazzjonali
UCL – Erba’ logħbiet oħra bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.. Monchengladbach – Man City DIRETTA fuq TVM2

UEFA Champions League, erba’ partiti oħra bejn it-Tlieta u l-Erbgħa mill-ewwel legs Round tas-Sittax.

It-Tlieta, Atletico Madrid jilqgħu lil Chelsea, Blues mingħajr id-difensur Brażiljan Thiago Silva, iżda jilqgħu lura fit-tim għal dan il-konfront fir-Rumanija lil Kai Havertz u l-Amerikan Christian Pulisic.

Neqsin għal Atletico minn din il-partita Jose Gimenez, Sime Vrsaljko u Yannick Carrasco, waqt li Hector Herrera jinsab pożittiv għal Covid-19.

Luis Suarez u Joao Felix mistennija jmexxu l-attakk tal-leaders tal-Kampjonat Spanjol, li minħabba passi dixxiplinari fuq imħatri se jkollhom ukoll barra lill-Ingliż Kieran Trippier.

Chelsea jmorru għal dan il-konfront mhux megħluba fl-aħħar seba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha kemm ilhom li keċċew lil Frank Lampard minn manager u postu ħadu Thomas Tuchel.

It-Tlieta ukoll, fi Stadio Olimpico ta’ Ruma, Lazio jilqgħu liċ-Champions renjanti tal-Ewropa, Bayern Munich.

L-ewwel dehra fil-fażi tan-Knock Out tal-kompetizzjoni għat-tim Taljan f’wieħed u għoxrin sena.

Bayern Munich li rebħu sitt titli fl-aħħar disa’ xhur mhux għaddejjin mill-aħjar fażi tagħhom b’punt wieħed biss mill-aħħar żewġ logħbiet tagħhom fil-Kampjonat, 3-3 m’Arminia Bielefeld u telfa 2-1 għand Eintracht Frankfurt, mindu rritornaw mill-Qatar u r-rebħ tal-FIFA Club World Cup.

Fost in-neqsin għal vjaġġ f’Ruma, Corentin Tolisso mweġġa u Thomas Muller fi kwarantina minħabba l-COVID.

Din il-logħba tlaqqa tnejn minn fost l-aktar attakkanti prolifiċi fl-Ewropa, Ciro Immobile fuq naħa, bla dubju Robert Levandowski fuq in-naħa l-oħra.

L-Erbgħa, żewġ logħbiet oħra, Atalanta jilqgħu f’Bergamo lil Real Madrid, u DIRETTA fuq TVM2 fid-disgħa, d-dwell fil-kapitali Ungeriża Budapest, bejn Borussia Monchengladbach u Manchester City.

Miktub minn...
Rodney Vassallo