Futbol internazzjonali
UCL: Liverpool u Tottenham Hotspur fis-semi finali

Liverpool u Tottenham Hotspur għaddew għas-semi finali tal-Uefa Champions League dan wara li huma eliminaw lil Porto u Manchester City rispettivament.

Porto – Liverpool 1-4

F’Oporto Liverpool għelbu lil Porto bl-iskor ta’ 4-1 biex għaddew b’aggregate ta’ 6-1.

Porto ħarġu aggressivi fejn appena minuta azzjoni personali ta’ Jesus Corona bix-xutt tiegħu jgħaddi ftit għoli. Fis-sitt minuta Marega resaq viċin bix-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkeeper Alisson. Fis-27 minuta fl-ewwel attakk tagħhom Liverpool jiftħu l-iskor. Kien Salah li sab lil Sado Mane bl-attakkant tar-Reds imattar saqajh u jpoġġi l-ballun fix-xibka. Gowl li ġie konvalidat wara konsultazzjoni twila mal-VAR. Ir-reazzjoni ta’ Porto għal dan il-gowl kienet waħda immedjata hekk kif fid-29 minuta Militao qassam lejn Brahimi iżda l-konklużjoni tiegħu kienet salvata minn Alisson.

Liverpool irduppjaw fil-65 minuta meta Alexander Arnold qassam il-ballun lil Salah bil-pleyer Egizzjan jsib ix-xibka b’xutt fil-baxx. Porto naqsu d-distakk tlett minuti wara meta minn korner ta’ Telles kien Eder Militao li bir-ras għeleb lil Alisson. Fit-72 minuta azzjoni personali ta’ Mane li qabeż ukoll lill-gowlkeeper avversarju iżda kkonkluda barra. Biex Liverpool skurjaw it-tielet gowl fis-77 minuta hekk kif minn kross ta’ Henderson kien Roberto Firmino li bir-ras ikkonverta. Fl-84 minuta Liverpool iżidu r-raba’ gowl meta minn korner ta’ Henderson kien Mane li kompla fid-direzzjoni ta’ Van Diyk li b’daqqa ta’ ras oħra għeleb lil Casillas.

Liverpool issa jiltaqgħu fis-semi finali mal-Ispanjoli ta’ Barcelona.

Manchester City – Tottenham H. 4-3

Logħba drammatika fl-Etihad Stadium fid-dwell bejn żewġ timijiet Ingliżi jispiċċa f’rebħa għal Man City bl-iskor ta’ 4-3 biex wara r-rebħa ta’ Tottenham fl-ewwel leg bl-iskor ta’ 1-0 kienu l-Ispurs li għaddew bir-regolament tal-gowl away.

Fir-raba minuta City marru fil-vantaġġ meta kien De Bruyne li sab lil Raheem Sterling u dan b’xutt angolat sab ir-rokna tax-xibka. Iżda Tottenham irrispondew mill-ewwel fejn fis-7 minuta kisbu l-gowl tad-draw meta Son approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ City u b’xutt fil-baxx għamel l-iskor 1-1. Tlett minuti wara u din id-darba l-Ispurs imorru għall-ewwel darba minn fuq. Kien Eriksen li qassam lejn Son u dan b’xutt sabiħ nofs għoli għeleb għat-tieni darba lil Ederson. Dan il-vantaġġ damu jgawduh minuta biss peress li fil-ħdax il-minuta City għamlu l-iskor 2-2. Ballun fit-tul ta’ Aguero sab lil Bernardo Silva b’dan tal-aħħar jsib ix-xibka mgħejjun minn devjazzjoni ta’ Danny Rose. Il-logħba kompliet tkun waħda miftuħa fejn fil-21 minuta Manchester City jmorru fil-vantaġġ b’gowl minn Raheem Sterling fuq pass fil-baxx ta’ Kevin De Bruyne. Qabel għalqet it-taqsima xutt ta’ Son għadda jħakkek mal-wieqfa.

Mal-bidu tat-tieni taqsima free kick ta’ De Bruyne għadda ftit għoli. Fil-50 minuta David Silva qassam lejn Sterling bix-xutt tiegħu jkun salvat parzjalment minn Lloris biex kien Rose li kklerja qabel seta’ jilħaq Bernardo Silva. City bdew issa jżidu l-pressjoni fejn fl-54 minuta xutt ta’ De Bruyne ġie salvat b’mod stupend f’korner minn Lloris. Fit-58 minuta kross ta’ Delle Ali u Llorente bir-ras impenja lil Ederson. Biex fid-59 minuta Man City marru 4-2 minn fuq meta wara ġirja tajba ta’ De Bruyne dan qassam lejn Aguero li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Lloris.

Iżda fit-73 minuta Tottenham daħlu mill-ġdid fil-partita meta minn korner ta’ Trippier kien Fernando Llorente li kkonluda għal ġewwa. Gowl li wkoll ġie konvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR. Fis-86 minuta City jfallu ċans minn Guendogan bix-xutt tiegħu minn posizzjoni tajba jispiċċa barra.

Fil-ħin mogħti żejjed City sabu x-xibka minn Sterling iżda l-gowl ġie mħassar għal offside ta’ Aguero wara konsultazzjoni mal-VAR.

Fis-semi finali Tottenham Hotspur jilgħabu kontra l-Olandiżi ta’ Ajax.

Is-semi finali jintlagħbu fit-30 t’April u l-1 ta’ Mejju bil-logħbiet ta’ ritorn fis-7 u 8 ta’ Mejju.

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Illum wara nofs in-nhar minn Grupp B il-Ġappun għelbu lill-Messiku bl-iskor ta’ 3-0. Taisei Miyashiro fetaħ l-iskor fil-21 minuta biex fit-tieni taqsima l-Ġappun skurjaw darbtejn oħra minn Kyosuke Tagawa fit-52…

Futbol internazzjonali

Charlton ġew promossi għaċ-Championship wara li f’Wembley Stadium llum wara nofs in-nhar fil-play off għall-promozzjoni huma għelbu lil Sunderland bl-iskor ta’ 2-1. Kienu Sunderland li fetħu l-iskor minn auto goal…

Futbol internazzjonali

Il-players ta’ Bayern Munich iċċelebraw ir-rebħ tad-double bi pranzu kbir is-Sibt filgħaxija. Iċ-Champions Bayern għelbu lil Leipzig bl-iskor ta’ 3-0 fil-finali tat-Tazza Ġermaniża aktar kmieni s-Sibt. Il-gowls ta’ Bayern waslu…

Futbol lokali

Bob Higgins, l-ex Youth Development Officer tal-Malta Football Association, instab ħati fuq 45 kap ta’ akkuża ta’ abbuż sesswali fuq 23 tifel. Higgins kien ingħata din il-kariga fl-MFA f’Lulju tal-1989…

Aktar