Futbol internazzjonali
UCL – PSG jirbħu partita spettakolari fil-borra għand iċ-Ċampjins renjanti.. Chelsea ukoll rebbieħa

UEFA Champions League – Kwarti Finali l-Ewwel Legs

Bayern Munich – Paris St. Germain 2-3

Logħba spettakolari, ċ-Champions renjanti Bayern Munich maħsuda f’darhom minn wirja stupenda għal Paris St. Germain li kisbu rebħa 3-2 barra minn darhom fil-Ġermanja.

Paris b’vantaġġ kmieni, l-iżmarkat Kylian Mbappe b’xutt ċentrali li l-goalkeeper Manuel Neuer salva iżda ma żamx, ballun fix-xibka għal 1-0.

Tmienja u għoxrin minuta, PSG irduppjaw meta minn kross fit-tul inswinger perfett ta’ Neymar, għal kollox żmarkat id-difensur Marquinhos spara fix-xibka għal 2-0.

Disgħa minuti wara Bayern reġħu daħlu fil-partita, Benjamin Pavard xeħet kross, għola fuq kulħadd l-eks tal-partita, Eric Maxim Choupo-Moting, li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lill-goaleeper Keylor Navas.

Tieni taqsima Bayern ħarġu aktar agressivi u ftit wara s-siegħa logħob ġabu l-iskor indaqs minn frikik ta’ Kimmich, daqqa ta’ ras oħra, din id-darba Thomas Mueller għamel l-iskor 2-2.

Għaddew seba’ minuti u wara azzjoni personali, ġmiel ta’ goal u d-doppjetta personali b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta u l-goal tar-rebħa f’din l-ewwel leg, għal Kylian Mbappe, holders megħluba f’darhom, Bayern tnejn, Paris tlieta, fil-borra ma’ taqta xejn tal-belt Ġermaniża.

Porto – Chelsea 0-2
F’Estadio Ramón Sánchez-Pizjuán ta’ Sivilja, rebħa u vantaġġ għal Chelsea qabel il-logħba ta’ ritorn, 2-0 għand Porto iżda f’venue newtrali minħabba s-sospensjoni fl-ivjaġġar, partita ntlgħabet fi Spanja.

Goal f’kull taqsima għall-Blues, vantaġġ ftit wara n-nofs siegħa logħob fl-ewwel taqsima, ballun il-quddiem tat-Taljan Jorginho sab lil Mason Mount li b’xutt djagonali fil-baxx fuq it-tieni lasta għeleb lill-goalkeeper ta’ Porto Marchesin, tieni goal fil-ħamsa u tmenin minuta, azzjoni personali, d-difensur Ben Chilwell dar mal-gowlkiper, tefa’ fix-xibka u vantaġġ komdu wara l-ewwel leg għat-tim tal-manager Thomas Tuchel.

Miktub minn...
Rodney Vassallo