Futbol lokali
UECL: Hibernians immultati €13,500 mill-UEFA għal imġieba skorretta kontra FC Riga

It-team tal-Kampjonat BOV Premier Hibernians ġie mmultat €13,500 mill-UEFA għal imġieba skorretta mill-iskwadra u membri tal-istaff tekniku, kif ukoll mill-partitarji, fil-partita tal-UEFA Europa Conference League kontra Riga tal-Latvja fis-Centenary Stadium f’Awwissu li għadda.

Hibernians kienu tilfu l-partita 4-1 biex fallew kwalifikazzjoni storika għall-play-offs tal-Conference League li ġie ntrodott dan l-istaġun bħala t-tielet saff tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA għall-clubs. Huma kienu rebħu l-ewwel leg fil-Latvja 1-0: u fil-partita ta’ ritorn hawn Malta kienu lmentaw minn deċiżjonijiet kontroversjali kontrihom mir-referee Irlandiż u l-assistenti tiegħu. Id-deċiżjonijiet kienu wasslu għal protesti fil-pitch mill-players u membri tal-istaff tekniku ta’ Hibernians.

Bid-deċiżjoni tal-Korp tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA, il-coach Stefano Sanderra u t-team manager Jesmond Abela ġew sospiżi għall-ħames partiti Ewropej li jmiss. Il-players Andrei Agius u Bjorn Kristensen ukoll weħlu ħames logħbiet kull wieħed, waqt li Ferdinando Apap ġie sospiż erbgħa.

TVMSport huwa nfurmat li Hibernians se jappellaw mis-sentenzi.

 

Miktub minn...
TVM Sport