Euro2020
UEFA 2020 Grupp D: Derby tedjanti jispiċċa mingħajr gowls

UEFA Euro 2020

Grupp D

F’Londra: Ingilterra – Skozja 0-0

Draw ta’ mingħajr gowls bejn l-Ingilterra u l-Iskozja f’Wembley Stadium f’logħba deludenti li ftit li xejn leħqet livell bl-Ingliżi jitilgħu jaqsmu l-ewwel post fi Grupp D flimkien mar-Repubblika Ċeka. Għall-Iskozja dan kien l-ewwel punt wara żewġ logħbiet.

L-ewwel ċans tal-partita wasal mill-Ingilterra meta fil-ħdax il-minuta huma laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras minn John Stones wara corner ta’ Mount. Fid-29 minuta Kane falla bir-ras minn quddiem il-lasta fuq cross ta’ James minkejja li l-attakkant ta’ Tottenham kien aġġudikat f’posizzjoni t’offside. Biex man-nofs siegħa logħob waslet l-aħjar azzjoni tal-Iskozja fl-ewwel taqsima meta fuq cross ta’ Kieran Tierney xutt mill-ewwel ta’ O’Donnell kien salvat tajjeb minn Pickford.

L-Ingliżi bdew it-tieni taqsima fuq l-offensiva fejn fit-48 minuta xutt ta’ Mount ġie mdawwar f’corner minn Marshall. U fil-55 minuta Kane sab lil James f’tarf il-kaxxa bix-xutt tiegħu jgħaddi ftit għoli. Ċans għall-Iskozja fit-62 minuta meta xutt ta’ Dykes kien maqlugħ minn fuq il-linja minn James. Fl-aħħar mumenti l-Iskozja taħt pressjoni nqalgħet taħwida fil-kaxxa iżda finalment il-periklu tbiegħed.

Riżultat finali: Ingilterra 0 Skozja 0

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.