Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Aktar timijiet mistennija jgħaddu wara l-logħob tal-lejla

Il-kowċ ta’ Shakhtar Donetsk Luis Castro qal li aktar qed iħossu qed imexxi tim fi kriżi milli tim tal-futbol. Castro kien qed jitkellem fil-konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel it-tim Ukren jilgħab kontra Real Madrid fil-ħames ġurnata tal-gruppi tal-UEFA Champions League. Castro qal li qatt m’esperjenza xi ħaġa simili, li jkollu tim daqshekk instabbli riżultat tal-pandemija tal-Covid-19. Il-kowċ tat-tim Ukren qal li l-partitarji jridu jifhmu li mhemm l-ebda stabbilità fil-futbol bħalissa u li l-kowċ irid iħabbel rasu kif ser jagħżel lit-tim, għax sa ftit sigħat qabel il-logħba jista’ jinbidel kollox.

Shakhtar Donetsk iridu jirbħu jekk kemm-il darba jridu jżommu t-tamiet tagħhom qawwija li jgħaddu mill-grupp, b’Borussia Moenchengladbach jilqgħu lil Inter li xejn ma kellhom fażi sodisfaċenti. Il-Ġermaniżi jinsabu fuq nett tal-grupp, punt fuq Real Madrid, b’Shakhtar jinsabu tliet punti wara l-Ispanjoli. L-Ukreni s’issa rebħu logħba waħda fil-grupp, inċidentalment kontra Real Madrid meta rebħulhom bl-iskor ta’ 3-2.

Min-naħa tiegħu, il-kowċ Zinedine Zidane kellu joħroġ jiddefendi lill-attakkant Belġjan Eden Hazard u lill-klabb wara li t-tabib tat-tim nazzjonali Belġjan allega li Hazard qiegħed iweġġa’ minħabba stress mentali kkważat mit-tim Madrilen. Skont it-tabib Belġjan, Hazard qed iweġġa’ ħafn’aktar minn mindu ngħaqad ma’ Real Madrid milli kien qabel, imma Zidane ddefenda lill-attakkant u qal li l-injury preżenti hija waħda bħall-oħrajn, xi ħaġa normali li tiġri lil plejer li jilgħab il-futbol. Hazard ingħaqad mal-captain Sergio Ramos, id-difensur Dani Carvajal, il-midfielder Federico Valverde u l-attakkant Luka Jovic li kollha jinsabu mweġġa’.

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li tant għandu plejers imweġġa’ li m’għadux jista’ jibdel individwi minn logħba għall-oħra. F’Anfield illejla Liverpool jilqgħu lil Ajax, f’logħba taħraq li tista’ tfisser passaġġ għar-Round tas-16 għar-Reds. Klopp kien qed jitkellem fid-dawl tal-logħba tas-Sibt li għadda kontra Brighton meta weġġa’ James Milner u ser ikun barra għal dan il-konfront. Apparti Milner, Thiago Alcantara jidher li fadallu aktar ġimgħat qabel jirritorna fl-iskwadra, filwaqt li Trent Alexander-Arnold għadu mhux f’kundizzjoni tajba biżżejjed biex ikun jista’ jilgħab. Id-difensuri Virgil van Dijk u Joe Gomez għandhom prattikament staġun sħiħ barra filwaqt li l-midfielders Xherdan Shaqiri u Naby Keita wkoll jinsabu mweġġa’.

Barra dawn il-logħbiet:

Grupp A

F’dan il-grupp Bayern Munich diġà huma ċerti mir-rebħ tiegħu u post fir-Round tas-16. Il-ġlieda tkompli għat-tieni post meta Atlético jinsabu żewġ punti fuq Lokomotiv Moscow, b’Salzburg xorta waħda għadhom b’ċans żgħir li jagħmluha wara li ġabru punt biss fl-ewwel erba’ logħbiet.

18:55   Lokomotiv Moscow – RB Salzburg
21:00   Atlético Madrid – Bayern Munich

Grupp B

Sitwazzjoni taħraq fi Grupp B meta s’issa l-ebda tim għadu m’għadda għar-Round tas-16. Il-Ġermaniżi jinsabu l-ewwel bi 8 punti, imma kollox miftuħ beraħ għaliex Real Madrid jinsabu t-tieni b’sebgħa. Shakhtar Donetsk iridu rebħa llejla għax għandhom 4 punti, 2 aktar minn Inter li jinsabu fl-aħħar post tal-grupp.

18:55   Shakhtar Donetsk – Real Madrid
21:00   Borussia Moenchengladbach – Inter

Grupp Ċ

B’Manchester City diġà ċerti minn post fir-Round tas-16, illejla ma tkunx sorpriża li Porto jieħdu xi ħaġa mill-konfront u huma wkoll jagħmluha għall-fażi li jmiss. Il-ġlieda bejn Olympiacos u Marseilel ser tkun min ser jakkwista t-tielet post li tfisser post fl-Europa League.

21:00   Marseille – Olympiacos
21:00   Porto – Manchester City

Grupp D

Liverpool għandhom bżonn il-punti jekk iridu jagħmlu ċerti minn post fir-Round tas-16, għax għalkemm jinsabu l-ewwel b’9 punti, hemm Ajax u Atalanta warajhom b’7 punti kull wieħed. Filwaqt li Atalanta mhumiex mistennija jwaqqgħu punti kontra Midtylland, li għadhom ma ħadu l-ebda punt, ir-Reds iridu t-tliet punti kontra l-Olandiżi biex iserrħu rashom.

21:00   Liverpool – Ajax
21:00   Atalanta – Midtylland

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA