UEFA Champions League: Finali bejn żewġ teamijiet mill-istess Belt

Uefa Champions League: Atletico Madrid għelbu lil Chelsea f’Londra biex għat-tieni sena wara l-oħra, żewg timijiet mill-istess pajjiż se jilagħbu l-finali tal-aqwa kompetizzjoni għall-clubs ewropej. Din id-darba se jkunu żewġ timijiet mill-istess belt: l-kapitali Spanjola Madrid: Real kontra Atletico.

Il-konfront fi Stamford Bridge kien miftuħ għal kull riżultat wara r-riżultat ta’ 0-0 tal-Ewwel Leg.

Chelsea bdew jittamaw meta marru fil-vantaġġ fis-36 minuta minn Torres. Willian evita lill-avversarju dirett qrib il-lasta tal-corner imma tfixkel u waqa’, bil-ballun jigi f’saqajn Azpilicueta: dan kompla lejn Fernando Torres, l-ex ta’ Atletico, li b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Courtois: possibilment deciziva d-devjazzjoni ta’ Mario Suarez.

Qabel għalqet it-taqsima b’danakollu d-draw ta’ Atletico: Schwarzer deher li mmarka l-ballun barra mill-kross mix-xellug ta’ Tiago, Juanfran minn mal-linja tefa’ għan-nofs lejn Adrian Lopez li ftit kellu diffikulta’ jitfa’ f’lasta vojta 1-1 sal-mistrieħ.

Mas-siegħa logħob penalty għal Atletico: inutli l-foul ta’ Eto’ fuq Diego Costa f’tarf il-kaxxa: mill-ħdax-il metru l-istess Costa ħa l-ħin tiegħu biex jirranġa l-ballun u anke ntwera karta safra, qabel spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka. Chelsea sfortunati ftit wara meta daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ David Luiz stampat mal-mimduda. Biex fil-71 wasal is-siġill definittiv għal Atletico: mill-kross fuq il-ġirja ta’ Juanfran, id-daqqa ta’ ras ta’ Arda Turan spiċċat mal-mimduda, bl-attakkant tork intelliġenti bizżżejjed biex isegwi l-azzjoni u jerġa’ jegħleb lil Schwarzer mir-rebound.

Skor finali: Chelsea 1, Atletico Madrid 3: aggregate 3-1 għall-ispanjoli. Appuntament f’Lisbona fl-24 ta’ Mejju għall-finali tal-Uefa Champions League: Real Madrid – Atletico Madrid.

Miktub minn...
TVM Sport
.