Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Finali kollha Ingliża jew Real Madrid għas-17-il finali fl-istorja tagħhom?

Chelsea – Real Madrid (agg. 1-1)

Illejla tintlagħab it-tieni semifinali tal-UEFA Champions League, meta fi Stamford Bridge Chelsea jilqgħu lil Real Madrid. Fl-ewwel leg il-Blues ġew draw ma’ Los Blancos 1-1, u allura llejla għandhom il-vantaġġ tal-gowl away jekk kemm-il darba ħadd ma jiskurja f’dan il-konfront.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel il-logħba, il-manager ta’ Chelsea Thomas Tuchel, qal li bil-wirja li ta t-tim tiegħu fl-Estadio Alfredo di Stefano, wera li jinsab fl-ogħla livell tal-futbol Ewropew. Skont Tuchel, l-akbar sfida li kellhom il-plejers kienet biex jinsew kemm ġew fl-ewwel leg. Draw ta’ mingħajr gowls ikun biżżejjed biex Chelsea jagħmluha għall-finali u jaċċertaw minn dwell kontra Manchester City.

Chelsea ser ikunu mingħajr il-midfielder Mateo Kovacic minħabba uġigħ fil-hamstring, filwaqt li Antonio Rudiger ikollu jilbes maskra protettiva ma’ wiċċu jekk ser jilgħab.

Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Zinedine Zidane qal li jinsab impressjonat b’kemm-il darba l-plejers tiegħu qamu għall-okkażjoni u dak li deher mitluf għamluh possibbli. Los Blancos qed jittamaw li jaslu sar-raba’ finali taċ-Champions League fl-aħħar sitt snin, imma mhijiex daqstant faċli wara li fl-ewwel leg Chelsea rnexxilhom jiġu draw ma’ Real Madrid.

Il-lista ta’ plejers imweġġa’ għal Real Madrid kompliet tikber hekk kif id-difensur ċentrali Raphael Varane weġġa’, u ngħaqad ma’ Dani Carvajal u Lucas Vazquez li llejla kollha ser ikunu qed isegwu mid-dar.

Illejla mistenni jirritorna l-captain Sergio Ramos, li ser jilgħab fid-disa’ semifinali taċ-Champions League fil-karriera tiegħu, u ser jingħaqad ma’ Ferland Mendy u Federico Valverde li ser jirritornaw fit-tim.

Il-konfront tal-lejla bejn Chelsea u Real Madrid ser jintlagħab fi Stamford Bridge u jibda fid-21:00. Il-logħba ser tkun ikkontrollata mir-referee Taljan Daniele Orsato u tintwera diretta fuq TVM2.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA