UEFA Champions League: il-play-offs

Telgħu l-poloz għall-play-offs għall-fażi tal-gruppi tal-Uefa Champions League.

Mill-play-offs iridu jgħaddu għaxar timijiet biex jingħaqdu mal-għoxrin li diġa’ għandhom posthom fil-gruppi. It-tnejn u tletin imbagħad jinqasmu fi tmien gruppi ta’ erba’ timijiet.

Il-poloz telgħu hekk:

It-Tlieta 19 t’Awwissu
Salzburg (Awstrija) – Malmo (Żvezja)
Steaua Bucharest (Rumanija) v Ludogorets (Bulgarija)
Besiktas (Turkija) v Arsenal (Ingilterra)
FC Copenhagen (Danimarka) v Bayer Leverkusen (Ġermanja)
Napoli (Italja) v Athletic Bilbao (Spanja)

L-Erbgħa 20 t’Awwissu
Maribor (Slovenja) v Celtic (Skozja)
Aalborg (Danimarka) v Apoel Nicosia (Ċipru)
Slovan Bratislava (Slovakkja) v BATE Borisov (Belarus)
Standard Liege (Belġju) v Zenit St Petersburg (Russja)
Lille (Franza) v Porto (Portugall)

Celtic tal-Iskozja qegħdin fil-play-offs minkejja li tilfu b’aggregate ta’ 6-1 kontra Legia Varsavja tal-Polonja fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni. L-Iskoċċizi fil-fatt tilfu 4-1 barra minn darhom u 2-0 home imma ngħataw rebħa ta’ 3-0 f’darhom wara li nstab li l-Pollakki daħħlu player li ma setax jilgħab fl-aħħar żewġ minuti tat-tieni leg f’Celtic Park nhar l-Erbgħa. Bartosz Bereszynski kien tkeċċa kontra Apollon fl-aħħar partita ta’ Legia fil-Uefa Europa League l-istaġun li għadda u weħel tliet logħbiet. Il-club naqas li jirreġistrah għaż-żewġ legs tal-konfront ma’ St Patrick’s Athletic fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni u għalhekk kien għadu sospiż għaż-żewġ legs kontra Celtic.

Maribor – Celtic tal-20 t’Awwissu se tintwera diretta fuq TVM2.

It-tieni legs tal-play-offs jintlagħbu fis-26 u s-27 t’Awwissu biex il-Ħamis 28 t’Awwissu jitilgħu l-poloz għall-fażi tal-gruppi. L-ewwel logħbiet tal-gruppi jintagħbu fis-16 u s-17 ta’ Settembru.

Għaddew diga’ għall-gruppi: Real Madrid, Barcelona, Bayern Munich, Chelsea, Benfica Atlético Madrid, Schalke 04, Borussia Dortmund, Juventus, Paris Saint-Germain, Shakhtar Donetsk, FC Basel, Manchester City, Olympiacos, CSKA Moska, Ajax, Liverpool, Sporting, Galatasaray, Anderlecht, Roma, Monaco

Nhar it-Tlieta li ġej intant TVM2 se juri l-Uefa Super Cup bejn Real Madrid u Sevilla diretta mill-Cardiff City Stadium f’Wales, fid-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija.

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.