Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Illejla jiġi fi tmiemu l-ewwel leg tar-Round tas-16

Atalanta – Real Madrid

Mir-Round tas-16 illejla jintlagħab l-ewwel leg bejn Atalanta u Real Madrid, bil-kowċ tal-Bergamaschi jgħid li għalkemm il-Madrileni għandhom diversi plejers neqsin, dan ma jnaqqas xejn mis-saħħa tagħhom. Dan il-konfront ser jintlagħab f’Bergamo, u Real Madrid marru l-Italja bi 11-il plejer biss li jinsabu fl-aqwa forma tagħhom.

Gian Piero Gasperini qal li Atalanta ma jistgħux jitilfu l-identità tagħhom meta jilagħbu kontra Los Blancos, u allura huwa mistenni li l-Bergamaschi xorta waħda joħorġu jattakkaw u jilagħbu l-istil ta’ logħba tagħhom.

Real Madrid jinsabu mingħajr l-attakkant Karim Benzema li fl-aħħar jiem ingħaqad m’Eden Hazard, Sergio Ramos, Dani Carvajal u Marcelo fil-lista ta’ plejers imweġġa’. B’dawn il-plejers kollha neqsin, il-Madrileni xorta waħda rebħu l-aħħar erba’ logħbiet f’La Liga u issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika u ma qalgħu l-ebda gowl fl-aħħar tliet logħbiet.

 

Borussia Moenchengladbach – Manchester City (TVM2)

Il-manager Pep Guardiola għamilha ċara li Manchester City mhux ser jibdlu l-istil ta’ logħob tagħhom meta jilagħbu kontra Borussia Moenchengladbach, bil-logħba ser tintlagħab fi stadium newtrali. Manchester City għadhom ġejjin minn rebħa l-Ħadd li għadda fuq Arsenal bl-iskor ta’ 1-0, biex b’hekk rebħu l-aħħar 18-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. Għalkemm is-City huma l-favoriti li jirbħu dan il-konfront, Pep Guardiola qal li xorta waħda jridu juru rispett lejn l-avversarji Ġermaniżi.

Borussia Moenchengladbach, min-naħa tagħhom, diġà wettqu sorpriża meta għaddew minn Grupp B f’din il-kompetizzjoni. Huma spiċċaw fit-tieni post wara Real Madrid, u ġabu riżultati aħjar minn Shakhtar Donetsk u Inter. Il-logħba tal-lejla ser tintlagħab f’Budapest, l-Ungerija, minħabba li l-Ġermanja mhix tħalli titjiriet mir-Renju Unit jidħlu fil-pajjiż.

 

Iż-żewġ logħbiet jibdew fid-21:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA