Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Illejla jintlagħbu l-ewwel legs ta’ żewġ kwartifinali oħra

Bayern Munich – Paris Saint-Germain

Ġurnata qabel il-konfront fl-Allianz Stadium, il-kowċ ta’ Bayern Munich Hansi Flick, ikkonferma li l-winger Serge Gnabry irriżulta pożittiv għal test tal-Covid-19 u allura mhuwiex ser ikun inkluż fit-tim Bavarjan għal-logħba kontra Paris Saint-Germain. Minbarra Gnabry, Bayern Munich ser ikunu wkoll mingħajr Marc Roca u Robert Lewandowski li għadu mweġġa’.

Fil-preżent Bayern Munich għaddejjin minn perjodu tajjeb ħafna. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet għelbu lil RB Leipzig fil-Bundesliga biex issa fetħu 7 punti vantaġġ fil-quċċata. Barra minn hekk, Bayern rebħu l-aħħar seba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha, u matulhom skurjaw 23 gowl.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan il-konfront replika tal-finali tal-istess kompetizzjoni fl-istaġun li għadda, il-kowċ Flick qal li għalkemm f’Awwissu rebħu kontra PSG, illum dan ma jfisser xejn għax il-konfront huwa totalment differenti. Skont Hansi Flick, il-Pariġini xorta jinsabu b’saħħithom ħafna, avolja fil-preżent għandhom xejn inqas minn sitt plejers barra minħabba injuries u infezzjonijiet tal-Covid-19.

Min-naħa l-oħra, Mauricio Pochettino qal li l-Pariġini m’għandhomx xi ħsieb ta’ vendetta fuq moħħhom wara li fl-istaġun li għadda l-Bavarjani żammewhom milli jirbħu l-ewwel unur f’din il-kompetizzjoni fl-istorja tal-klabb. Għal din il-logħba PSG ser ikunu mingħajr l-attakkant Mauro Icardi li jinsab imweġġa’, filwaqt li Marco Verratti u Alessandro Florenzi jinsabu infettati bil-Covid-19.

Il-konfront bejn Bayern Munich u Paris Saint-Germain jibda fid-21:00 u jintwera dirett fuq TVM2.

 

Porto – Chelsea

Il-kowċ ta’ Porto Sergio Conceicao qal li mhuwiex komdu li ser jaffaċċja lil Chelsea fl-ewwel leg tal-kwartifinali taċ-Champions League. Il-Blues għadhom ġejjin minn telfa sorpriża kontra West Browmich Albion fi tmiem il-ġimgħa meta sfaw megħluba 5-2. Din kienet l-ewwel telfa fi 15-il logħba f’kull kompetizzjoni taħt il-gwida tal-manager Thomas Tuchel.

Conceicao kkumpara lil Chelsea fl-istess livell ta’ Juventus, u qal li għalkemm eliminaw liċ-champions Taljani fir-Round tas-16, ma jfissirx li ser ikun faċli jeliminaw lill-oppożizzjoni Ingliża f’dan ir-round. Porto ser ikunu mingħajr l-Iranjan Mehdi Taremi li kien imkeċċi fit-tieni leg kontra Juventus, filwaqt li l-midfielder Sergio Oliveira wkoll jinsab sospiż bil-karti sofor.

Min-naħa l-oħra, il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Chelsea kkonċentrat fuq Antonio Rudiger u l-goalkeeper Kepa Arrizabalaga li fi tmiem il-ġimgħa ġew fl-idejn waqt it-taħriġ. Jidher li Rudiger daħal daħla xejn kumplimentuża fuq Arrizabalaga, u t-tnejn spiċċaw kellhom jiġu mifruqa minn sħabhom, bid-difensur jintbagħat kmieni fid-dressing room. Skont Tuchel, l-inċident kien pjuttost serju, imma l-ebda plejer ma kien ser jiġi mmultat mill-klabb.

Iż-żewġ legs tal-kwartifinali bejn iż-żewġ timijiet ser jintlagħbu fl-Estadio Sanchez Pizjuan ta’ Sevilla, minħabba restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar bejn il-Portugall u l-Ingilterra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA