Futbol internazzjonali
UEFA Champions League: Illejla jkunu magħrufa l-ewwel żewġ semifinalisti

Juventus – Ajax (agg. 1-1)

Juventus qegħdin jimmiraw li jaslu sas-semifinali għat-tielet darba f’dawn l-aħħar ħames staġuni u bir-riżultat ta’ 1-1 barra minn darhom għand Ajax, għad għandhom possibiltà kbira li jagħmlu dan. Fl-Istadium il-ġdid tagħhom, li issa ilu miftuħ sa mill-2011, Juventus tilfu biss 3 darbiet fl-Ewropa, fejn b’kollox lagħbu 37 logħba u minnhom rebħu 22. Anke meta wieħed iqis ir-rekord kontra timijiet Olandiżi, kollox jindika li Juventus jistgħu jipprogressaw meta fl-aħħar seba’ logħbiet huma rebħu 4 u ġew dro fi tlieta. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Ajax, li sfortunatament għalihom tilfu tlieta mill-aħħar erba’ logħbiet fi stadju simili kontra oppożizzjoni Taljana.

Biss, min-naħa l-oħra, Ajax wettqu dak li deher impossibbli fir-Round tas-16, meta wara telfa fl-Amsterdam Arena kontra Real Madrid bl-iskor ta’ 2-1, huma ħasdu lil-Los Blancos fil-Bernabeu u għaddew huma għal din il-fażi. Għall-Olandiżi, dro ta’ mingħajr gowls ma jkunx biżżejjed għaliex jiġu eliminati bir-regola tal-goal away, għaldaqstant, Ajax bilfors iridu jiskurjaw jekk iridu jżommu t-tamiet ħajja li jagħmluha għas-semifinali. Għall-Juventus, l-importanti hu li jekk jiġu dro, ma jsofrux aktar minn gowl wieħed sabiex għallinqas jisfurzaw il-ħin barrani.

Żgur li l-attenzjoni tal-lejla ser tkun fuq Cristiano Ronaldo, li b’ħames gowls u żewġ assists f’dan l-istaġun fil-UEFA Champions League, jista’ jkun is-salvatur għall-bianconeri. Bil-gowl li skorja kontra l-istess Ajax wara li rritorna minn injury, Ronaldo skorja l-125 gowl tal-karriera tiegħu f’din il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-attakkant Klaas-jan Huntelaar sar l-ixjeħ plejer tat-tim t’Ajax li skorja hat-trick fl-Eredivisie, fl-età ta’ 35 sena u 244 ġurnata.

Juventus illejla ser ikollhom neqsin lil Caceres u Perin minħabba li huma mweġġa’, filwaqt li hemm xi plejers dubjużi bħalma huma Emre Can, Chiellini, Costa u Matuidi, imma l-kowċ Massimiliano Allegri fadallu l-aħħar ftit sigħat sabiex jiddeċiedi dwar l-aħjar formazzjoni għal-lejla. Għall-Ajax, neqsin mill-iskwadra Bande, Cerny, Eiting u Tagliafico li kollha jinsabu mweġġa’.

Barcelona – Manchester United (agg. 1-0)

L-awto-gowl tal-ewwel leg skurjat minn Luke Shaw huwa d-differenza bejn dawn iż-żewġ timijiet, u allura kollox għadu miftuħ beraħ għal-logħba tal-lejla. Dan kien it-tieni awto-gowl li r-Red Devils sofrew fl-aħħar erba’ ħarġiet tagħhom fil-UEFA Champions League. Għall-Katalani, l-istorja tinsab favur tagħhom għaliex għandhom rekord mill-aqwa kontra oppożizzjoni Ingliża, tant li minn 33 logħba, huma rebħu 20, ġew dro 11 u tilfu tnejn biss. Barcelona ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar tletin logħba fil-UEFA Champions League, u fin-Nou Camp huma b’saħħithom ħafna.

Min-naħa l-oħra, mhux kollox mitmum għat-tim t’Ole Gunnar Solskjaer, għaliex kulħadd kien ħaseb li l-United mhux ser jirnexxilhom idawru r-riżultat kontra PSG fir-round li għadda, imma ssorprendew lil kulħadd u llejla jista’ jerġa’ jiġri l-istess. L-interessanti għal Manchester UTD hi li fiċ-Champions League, irnexxilhom jiskurjaw aktar gowls meta lagħbu barra minn darhom milli meta lagħbu f’Old Trafford.

Apparti plejers bħal Messi u Suarez, żgur li l-attenzjoni għandha tintefa’ fuq l-attakkant Ousmane Dembélé li s’issa skorja tliet gowls f’din il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, Marcus Rashford jista’ jkun pedina importanti għall-United, il-plejer li s’issa skorja darbtejn f’din il-kompetizzjoni. Illejla, Barcelona ser ikunu mingħajr Rafinha li jinsab imweġġa’, filwaqt li Rakitic, Roberto u Vermaelen jinsabu dubjużi. Fuq in-naħa l-oħra, Bailly, Herrera, Shaw u Valencia mhux suppost ikunu inklużi mat-tmintax, filwaqt li għad hemm dubju ħafif fuq Matic u Sanchez.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Id-difensur Olandiż ta’ Liverpool, Virgil van Dijk, rebaħ l-unur tal-plejer tas-sena tal-Professional Footballers’ Association. Dan wara sfida kbira bejnu u l-Ingliż Raheem Sterling ta’ Manchester City. U bħalma jiġri kull…

Futbol internazzjonali

Manchester UTD 0 Manchester City 2 F’Old Trafford, Manchester City reġgħu telgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-Premiership Ingliż meta rebħu fid-derby kontra Manchester United bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls waslu t-tnejn li huma…

Futbol internazzjonali

F’San Siro, Lazio ħadu rebħa b’gowl uniku kontra l-Milan biex b’hekk għaddew għall-finali tal-Coppa Italia b’aggregate ta’ 1-0. Il-gowl kien skurjat fit-tieni taqsima, eżattament fit-58 minuta meta Immobile għadda pass…

Futbol internazzjonali

TVMSport jista’ jiżvela li l-President tal-club Taljan Juventus Andrea Agnelli se jkun hawn Malta f’Ġunju għal asssemblea ġenerali straordinarja tal-European Club Association – ECA – li tħaddan clubs li jilagħbu…

Aktar