Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Illejla jsir magħruf l-ewwel finalist tal-kompetizzjoni

Manchester City – Paris Saint-Germain (agg. 2-1)

Illejla nsiru nafu min ser ikun l-ewwel finalist taċ-Champions League għal dan l-istaġun, meta Manchester City jilqgħu lil Paris Saint-Germain fl-Etihad Stadium. Fil-konferenza tal-aħbarijiet lejlet il-logħba, il-manager Pep Guardiola qal li qed jikkonċentraw biss fuq infushom, u l-plejers iridu jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom jekk kemm-il darba jridu jaċċertaw ruħhom minn post fil-finali. Pep Guardiola għadu qed ifittex li jirbaħ dan it-trofew għall-ewwel darba ma’ Manchester City, wara li diġà rebħu darbtejn fit-tmexxija ta’ Barcelona fil-passat.

Paris Saint-Germain ser jistennew kemm jistgħu biex jiddeċiedu dwar jekk Kylian Mbappe jilgħabx jew le fit-tieni leg tas-semifinali taċ-Champions League. Mbappe weġġa’ l-pexxul u saħansitra tilef il-logħba kontra Lens tas-Sibt li għadda. Kylian Mbappe huwa strumentali għal PSG, għaliex f’dan l-istaġun skorja 25 gowl f’Ligue 1, kif ukoll tmienja fiċ-Champions League.

Filmati fuq il-midja soċjali wrew lil Mbappe jzappap huwa u jasal fl-ajruport ta’ Manchester, bil-kowċ Mauricio Pochettino jgħid li jridu jaraw l-istat tal-plejer ftit sigħat qabel il-logħba biex jiddeċiedu jekk jistax jilgħab jew le.

Paris Saint-Germain jafu li jridu jiskurjaw darbtejn mingħajr ma jsofru gowl jekk kemm-il darba jridu jgħaddu għall-finali, tragward xejn faċli fl-Etihad Stadium. Pochettino qal li huma jridu jirriskjaw, jippjanaw il-logħba, jiddefendu tajjeb u meta jiġuhom iċ-ċansijiet jeħduhom u jiskurjaw.

Il-logħba llejla tibda fid-21:00 u ser tkun ikkontrollata mir-referee Bjorn Kuipers mill-Federazzjoni Olandiża.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA