Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Illejla tibda t-tieni ġurnata tal-gruppi

Iċ-champions Ewropej Bayern Munich illejla jilagħbu fir-Russja kontra Lokomotiv Moscow, bit-tama li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa impressjonanti t’4-0 il-ġimgħa li għaddiet kontra Atlético Madrid. Wara t-telfa sorprendenti fil-kampjonat kontra Hoffenheim ix-xahar li għadda, Bayern ma tilfux logħba oħra u jinsabu fit-tieni post fil-Bundesliga.

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane qiegħed jittama li r-rebħa fl-El Clasico fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tixpruna lit-tim tiegħu biex jieħu l-ewwel punti fil-grupp tal-UEFA Chamnpions League. Real jinsabu l-Ġermanja biex jilagħbu kontra Borussia Moenchengladbach. Ir-rebħa ta’ 3-1 fuq Barcelona kienet bħall-balzmu għall-Madrileni, wara telfiet kontra Cadiz f’La Liga u Shakhtar Donetsk fiċ-Champions League. Borussia Moenchengladbach ħadu punt fl-ewwel logħba ta’ Grupp B meta spiċċaw draw m’Inter 2-2.

Liverpool f’Anfield jilqgħu lil Midjtjylland fit-tieni logħba tal-gruppi, bit-tama li r-Reds jagħmluhom tnejn minn tnejn fil-grupp. Skont Jurgen Klopp, l-aħħar jiem kienu importanti għat-tim ta’ Liverpool wara t-telfa kbira kontra Aston Villa fil-kampjonat, imbagħad id-draw kontra r-rivali Everton. Fl-ewwel logħba tal-grupp, Liverpool kienu marru l-Olanda u għelbu lil Ajax 1-0, filwaqt li Midjtjylland tilfu 4-0 kontra Atalanta.

Il-logħbiet kollha tal-lejla:

Grupp A

18:55 Lokomotiv Moscow – Bayern Munich
21:00 Atlético Madrid – RB Salzburg

Grupp B

18:55 Shakhtar Donetsk – Inter
21:00 Borussia Moenchengladbach – Real Madrid

Grupp Ċ

21:00 Porto – Olympiacos Piraeus
21:00 Marseille – Manchester City

Grupp D

21:00 Atalanta – Ajax
21:00 Liverpool – Midjtjylland

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA