Futbol internazzjonali
UEFA Champions League – Illum jibdew jintlagħbu l-ewwel legs tal-kwartifinali

Real Madrid – Liverpool

Ġurnata qabel il-konfront tal-ewwel leg tal-UEFA Champions League, il-kowċ Zinedine Zidane qal li l-attakkant Belġjan Eden Hazard żgur mhuwiex ser ikun parti mit-tim, għax ma jridx li jieħu riskji żejda u jerġa’ jweġġa’.

L-aktar plejer li qatt sewa flus lil Real Madrid, kellu karriera mal-Madrileni miżgħuda bl-injuries. Ingħaqad mat-tim Spanjol fl-2019, u minn hemm ‘il quddiem kellu diversi injuries li żammewh barra mil-logħob. Hazard irritorna għat-taħriġ nhar il-Ġimgħa li għadda, imma ma lagħabx fil-konfront kontra Eibar is-Sibt, li Real Madrid rebħu 2-0.

Zinedine Zidane qal li qed jistenna logħba diffiċli kontra Liverpool, għax mhuwiex tim li jibbaża fuq plejer wieħed, imma jilgħab bħala tim sħiħ.

Real Madrid ser ikunu mingħajr id-difensur Sergio Ramos li jinsab imweġġa’, il-plejer li kien ikkritikat ħafna fil-finali taċ-Champions League meta l-Los Blancos kienu għelbu lir-Reds.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet l-oħra, il-manager Jurgen Klopp qal li r-Reds mhux qed ifittxu vendetta sportiva kontra Real Madrid. Qal li din il-logħba tista’ twassalhom pass eqreb lejn is-seba’ tazza f’din il-kompetizzjoni. U għalkemm il-kowċ Ġermaniż ikkonferma li din il-logħba ġġib lura l-memorji ta’ dak li seħħ f’Kyiv, qal li kemm hu u anke l-plejers qed iħarsu lejn dan il-konfront bħala logħba oħra fl-aqwa kompetizzjoni Ewropea.

L-ewwel leg tal-kwartifinali ser jintlagħab fl-Istadium Alfredo di Stefano u jibda fid-21:00.

 

Manchester City – Borussia Dortmund

Fl-Etihad Stadium, it-Tlieta filgħaxija, Manchester City jilqgħu lil Borussia Dortmund fl-ewwel leg tal-kwartifinali taċ-Champions League. U fil-konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel il-logħba, il-manager Pep Guardiola kien aktar mistoqsi dwar l-attakkant Haaland milli dwar il-konfront innifsu. Guardiola tefa’ xi ftit tal-ħatab fuq in-nar meta kkonferma li Manchester City jistgħu jiksru r-rekord tat-trasferimenti u jidħlu għall-akkwist ta’ Haaland fis-sajf li ġej. Żgur li Manchester City ser ikunu qed ifittxu attakkant minħabba li Sergio Aguero ser iħalli Manchester fis-sajf għax ser jispiċċalu l-kuntratt.

Jidher li Borussia Dortmund qed jivvalutaw l-aħjar plejer tagħhom għas-somma ta’ €180 miljun, u dan għaliex f’dan l-istaġun diġà skorja 33 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha.

Il-Ġermaniżi qed jittamaw li jiġu lura mit-telfa sorpriża li kellhom fil-Bundesliga fi tmiem il-ġimgħa, biss dan żgur mhuwiex ser ikun faċli barra minn darhom f’Manchester. Bil-wirjiet xejn sodisfaċenti fil-kampjonat domestiku, id-Dortmund qed jipperikolaw iċ-ċans tagħhom li jerġgħu jikkompetu fl-aqwa kompetizzjoni tal-futbol Ewropew fl-istaġun li ġej. Dan ikun ifisser telf kbir ta’ flus għat-tim Ġermaniż.

Għal dan il-konfront Borussia Dortmund ser ikollhom nieqsa lil Jadon Sancho u Youssoufa Moukoko.

Il-logħba tintlagħab fl-Etihad Stadium u tibda fid-21:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA