Futbol internazzjonali
UEFA Champions League: Manchester City jikkwalifikaw għall-ewwel finali fl-Istorja tagħhom

UEFA CHAMPIONS LEAGUE 2020/21

Manchester City………2

Paris St Germain……..0

(Aggregate 4-1)

Manchester City kwalifikaw għall-ewwel finali tagħhom meta fit-tieni leg tas-semifinali, għelbu lil Paris St Germain bi skor ta’ 2-0.

Din kienet it-tieni rebħa fi ftit jiem tal-Ingliżi fuq il-Franċiżi.

L-aggregate bejn it-tnejn temm bi skor ta’ 4-1 favur Manchester City, wara r-rebħa ta’ 2-1 ta’ ġimgħa ilu fi Franza.

Manchester City fetħu l-iskor b’xutt minn qagħda angolata ta’ Riyad Mahrez fil-11-il minuta.

Huma rduppjaw b’azzjoni tipika tagħhom b’kontrattakk veloċi fit-63 minuta meta Phil Phoden ta pass pinġut lejn Mahrez li tefa’ fix-xibka għat-tieni gowl personali.

PSG spiċċaw b’raġel inqas meta tkeċċa Di Maria għal ritaljazzjoni fid-69 minuta.

Manchester City baqgħu jżommu l-kontroll sal-aħħar tal-partita u qatt ma dehru taħt theddida li jitilfu l-kontroll tal-partita.

Manchester City jilagħbu fil-finali ta’ Istanbul kontra min jikkwalifika għada bejn Chelsea u Real Madrid.

Fl-ewwel rawnd fi Spanja, il-partita ntemmet bi skor ta’ 1-1.

 

Miktub minn...
TVM Sport