Uefa Champions League: rebħiet għal Real u PSG

Uefa Champions League: Real Madrid b’sieq fis-semifinali: iktar miftuħ it-tieni leg fi Stamford Bridge il-ġimgħa d-dieħla bejn Chelsea u Paris Saint-Germain, minkejja żewġ goals vantaġġ għall-Franċiżi. 

Real Madrid

Real Madrid skurjaw tliet goals bla risposta kontra l-finalisti telliefa tas-sena li għaddiet Borussia Dortmund fix-xita tas-Santiago Bernabeu. Spanjoli diga’ minn fuq wara 3 minuti minn Gareth Bale mill-kross ta’ Carvajal. Isco għamilhom tnejn fis-27 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa; u t-tielet goal skurjaħ Cristiano Ronaldo li laħaq ir-rekord ta’ 14-il goal fi staġun wieħed tal-Uefa Champions League.

psg

Fil-Parc des Princes, rebħa ta’ 3-1 għal Paris Saint-Germain fuq Chelsea. PSG wkoll marru fil-vantaġġ kmieni: kienu għaddew biss 4 minuti meta Lavezzi sammar fis-saqaf tax-xibka. Ftit qabel in-nofs siegħa Chelsea ngħataw penalty għal kuntatt fil-kaxxa bejn Thiago Silva u Oscar: mill-11-il metru Edin Hazard ma falliex għall-goal tad-draw. PSG attakkaw tul it-tieni taqsima u meritatament reġgħu marru fil-vantaġġ fit-62 minuta meta David Luiz kien sfortunat li dawwar il-freekick ta’ Lavezzi fix-xibka tiegħu stess. It-tielet goal fil-ħin miżjud mis-sostitut Pastore wara li għadda bejn bosta difensuri ta’ Chelsea.

Riżultati kollha tal-ewwel legs tal-kwarti tal-finali:
Barcelona – Atletico Madrid 1-1
Manchester Utd – Bayern Munich 1-1
Real Madrid – Borussia Dortmund 3-0
Paris Saint-Germain – Chelsea 3-1

Illejla jirritorna l-Uefa Europa League bl-ewwel legs tal-erba’ kwarti tal-finali: fosthom Lyon – Juventus; u Porto – Sevilla, li tintwera diretta fuq TVM2 fid-9.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.