Futbol lokali
UEFA Champions League: Valletta fit-tieni round tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni
VALLETTA 1 DUDELANGE 1

Kwalifikazzjoni prestiġjuża għal Valletta għat-tieni round tal-UEFA Champions League wara draw ta’ 1-1 ma’ Dudelange tal-Lussemburgu fis-Centenary Stadium, Ta’ Qali.

Valletta jgħaddu bil-goals skurjati away minkejja l-aggregate ta’ 3-3 wara li l-ewwel leg ta’ dan l-ewwel round fil-Lussemburgu ġimgħa qabel kienet spiċċat 2-2.

Fit-tieni round issa Valletta jmisshom polza  attraenti ma’ Ludogorets tal-Bulgarija jew Ferencvaros tal-Ungerija. Huma jsiru jafu l-avversarji għada meta tintlagħab it-tieni leg fil-Bulgarija, wara li fl-ewwel leg f’darhom kienu l-Ungeriżi li rebħu 2-1.

Il-partita tal-lejla f’Centenary Stadium ippakkjat probabbli daqs qatt qabel kienet ferm kumbattuta u fiżika, mingħajr ħafna azzjonijiet b’danakollu fuq il-lasti speċjalment fl-ewwel taqsima.

Mal-kwarta logħob Valletta Valletta appellaw għal penalty għal kuntatt fil-kaxxa bejn difensur u Fontanella, bir-referee jħalli l-logħob għaddej.

Steve Borg u Sinani ta’ Dudelange intwerew karti sofor it-tnejn wara li intervent fuq Nwoko wassal għal ftit ta’ battibekki u mbuttar f’nofs il-ground.

Fil-35 minuta Valletta marru fil-vantaġġ: azzjoni ta’ Nwoko li daħal fil-kaxxa mix-xellug u kaxkar xutt li l-goalkeeper Kips miss għal mal-wieqfa: pront daħal Mario Fontanella li bla diffikultà xejn tefa’ f’xibka vojta.

Sitt minuti wara Fontanella kellu ċans tajjeb jirdoppja meta sab ruħu żmarkat fil-kaxxa mill-kross ta’ Tulimieri, did-darba iżda Kips imblokka: biex l-ewwel taqsima għalqet 1-0.

Dudelange ħarġu aktar aggressivi wara l-mistrieħ u wara li Pena Beltre pprova jqarraq bil-goalkeeper b’xutt imdendel minn tarf il-kaxxa, imma l-ballun għadda ferm barra: huma ġabu d-draw bl-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom.  Kien fit-58 minuta li nqalgħet taħwida f’tarf il-kaxxa ta’ Valleta, il-ballun spiċċa f’saqajn Mario Pokar li ndirizza lejn il-lasta: Bonello megħlub.

Minn hawn il-Lussemburgiżi bdew jagħfsu u Bonello darbtejn kien providenzjali biex żamm l-iskor indaqs: l-ewwel meta għolla għal corner xutt ta’ Kirch: u mbagħad meta salva b’siequ fuq Bougrine.

Schnell kellu xutt li għadda jħakkek mal-lasta: u l-aħħar qatgħa għall-partitarji Beltin waslet fid-90 minuta ma’ xutt ieħor ta’ Stolz li mar ċentimetri barra.

Valletta żammew biex l-aħħar tisfira wara 7 minuti mogħtija żejda mir-referee rat l-iskor jaqra Valletta 1 Dugelange 1: Valletta kwalifikati fost id-dellirju ta’ ferħ ta’ players, uffiċjali u partitarji Beltin.

Valletta bdew b’din il-formazzjoni: Henry Bonello, Steve Borg (captain), Ryan Camilleri, Kyrian Nwoko, Jean Borg, Emmy Pena Beltre, Joseph Zerafa, Douglas Packer, Nicholas Pulis, Mario Fontanella, Kevin Tulimieri

Sostituzzjonijiet: 69′ Shaun Dimech minflok Nwoko, 77′ Antonio Monticelli minflok Tulimieri, 90′ Juan Gil Cruz minflok Steve Borg

Valletta kelhom jgħaddu mingħajr Rowen Muscat, Jonathan Caruana, Bojan Kaljevic, u Santiago Malano

Coach: Darren Abdilla

Referee: Juri Frischer (Estonja)

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Birkirkara kienu deċiżament aħjar fl-ewwel taqsima fejn għal ħinijiet kienu fuq l-attakk u wara seba’ minuti kellhom gowl ta’ Falcone mħassar, bl-istess plejer jikkonkludi għoli minn qagħda tajba ftit wara….

Futbol lokali

GUDJA UTD. – SENGLEA A. 4-1 Gudja approfittaw tajjeb mill-fatt li kienu qed jilgħabu b’żewġ plejers aktar u ġabru t-tlett punti mportanti biex telgħu punt taħt Balzan. Fl-24 minuta azzjoni…

Futbol lokali

Gżira United – Mosta 3-1 Wara żewġ minuti logħob tasal l-ewwel azzjoni meta kross ta’ Kyle Xuereb ballun fuq ras Kotlov bil-ballun jispiċċa barra fuq ix-xibka. 8 minuti għal darb’oħra…

Futbol lokali

FLORIANA 2 SANTA LUCIA 1 Floriana rritornaw għar-rebħ wara żewġ draw konsekuttivi dan hekk kif huma għelbu lil Santa Lucia biex żammew it-tlett punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika. Fil-ħdax il-minuta free…

Aktar