Euro2020
UEFA EURO 2020 – Dejan Kulusevski pożittiv għall-Covid-19, ser jitlef l-ewwel logħba tal-Iżvezja

L-Iżvezja titlef lil Dejan Kulusevski wara li nstab pożittiv li għandu l-Covid-19.

Kien it-Tlieta filgħodu li Kulusevski kellem lit-tobba tat-tim u qallhom li qed iħossu ma jiflaħx, donnu għandu riħ. Mit-test li sarlu rriżulta li l-plejer huwa pożittiv għall-coronavirus.

Kulusevksi baqa’ iżolat filwaqt li t-tim ivvjaġġa lejn Gothenburg għall-aħħar jiem ta’ taħriġ qabel tibda l-edizzjoni tal-EURO 2020.

Mill-filmat li ħareġ fuq Twitter fis-sigħat li għaddew u li issa ġie mneħħi, jidher li Kulusevski attenda għal riċeviment jiem qabel mal-Iżvezja lagħbet kontra l-Armenja f’logħba ta’ ħbiberija s-Sibt li għadda. Kulusevski lagħab 72 minuta minn dan il-konfront.

L-Iżvezja tilgħab l-ewwel logħba tagħha fl-EURO 2020 nhar it-Tnejn li ġej kontra Spanja f’Sivilja, bl-Ispanjoli wkoll għandhom il-problemi tagħhom minħabba l-Covid-19.

Il-kowċ Janne Anderson għamilha ċara li mhux ser jgħajjat plejer ieħor miflok Kulusevski li żgur ser jitlef l-ewwel logħba tal-grupp.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA