Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp A: L-Italja jirbħu l-grupp, Wales jgħaddu wkoll

UEFA Euro 2020

Grupp A

F’Ruma, Italja – Wales 1-0

L-Italja kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta fi Stadio Olimpico għelbu lil Wales 1-0 biex b’hekk rebħu Grupp A b’punti massimi. Il-kowċ Taljan Roberto Mancini għamel diversi tibdiliet fil-formazzjoni iżda t-Taljani xorta waħda dehru superjuri għall-avversarji tagħhom. Minkejja r-riżultat negattiv, Wales li lagħbu l-aħħar nofs siegħa bi plejer inqas, xorta waħda spiċċaw fit-tieni post tal-grupp u b’hekk għaddew mal-aħħar sittax.

Ftit azzjonijiet ta’ skor fl-ewwel taqsima bl-Italja tersaq qrib fis-27 minuta meta Chiesa ma laħaqx il-ballun minn quddiem il-lasta u Wales iwieġbu b’daqqa ta’ ras ta’ Gunter tmur ftit għoli.

Fid-39 minuta l-Italja fetħet l-iskor meta minn freekick ta’ Verratti kien Matteo Pessina li għeleb lil Ward b’xutt preċiż fil-baxx.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Italja viċin it-tieni  gowl meta freekick ta’ Bernardeschi ħabat ma’ sieq il-lasta. Tliet minuti wara Wales spiċċaw b’għaxar plejers meta tkeċċa Ethan Empadu wara daħla fuq l-istess Bernardeschi.

Fil-65 minuta azzjoni tajba Taljana bi Chiesa jqassam lil Belotti li mpenja lil Ward mill-viċin. Għaxar minuti wara opportunita’ tajba għal Gareth Bale li spara għoli minn qagħda ideali. Fl-aħħar minuti kien Belotti li mpenja lil Ward.

Skor finali Italja 1 Wales 0

 

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.