Euro2020
UEFA Euro 2020: L-Italja mal-aħħar sittax

UEFA Euro 2020: Italja – Svizzera    3-0

 

Il-konfront tant mistenni bejn l-Italja u l-Isvizzera ġewwa l-Olimpico ra tim Taljan li kien dispost b’mod dixxiplinat fil-grawnd u li b’abbilta’ ikkontrolla lit-tim Svizzeru. L-ewwel ċans realistiku għat-Taljani wasal fil-ħdax -il minuta meta kross ta Spinazzola, daħal Immobile bir-ras iżda l-ballun spiċċa fuq il-mimduda. Fl-għoxrin minuta wara taħwida li inqalgħet fil-kaxxa u konfront ma Akanji tefa’ l-ballun fix-xibka. Il-gowl ġie annullat wara li permezz tal-VAR ġie aċċertat li mess il-ballun b’idejh. Erba’ minuti wara Chiellini kellu joħroġ mill-grawnd minħabba li weġġa biex minfloku daħal Acerbi. It-Taljani ma damux wisq qabel ħadu s-sopravvent u skurjaw permezz ta’ azzjoni sabiħa ta’ Berardi li għadda l-ballun lil Locatelli biex b’facilita’ tefa’ fix-xibka. Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima it-tim Taljan sforza żewġ corners konsekuttivi iżda dawn ma wasslu għal imkien. L-Italja daħħlu jistrieħu gowl minn fuq, bl-Isvizzera bħal donnhom jippreferu jadottaw tattika difensiva.

Fit-tieni taqsima il-kowċ Svizzeru daħħal jilgħab lil Gavranovic minflok Seferovic li sa dak il-ħin kellu logħba medjokri.Fit-tnejn u ħamsin minuta l-Italja tirdoppja permezz ta’ Locatelli, bil-plejer ta’ Sassuolo jegħleb lil Sommer wara li kien rċieva l-ballun mingħand Barella. Fi sforz biex it-tim Svizzeru jqum mil-letarġija li kien jinsab fiha il-kowċ daħħal jilgħab lill-plejer ex-Udinese Widmer, kif wkoll lil Zuber.Fid-69 minuta Mancini għamel sostituzzjoni doppja meta daħlu jilgħabu Insigne u Toloi. Ħames minuti wara l-Italja kellhom cans tad-deheb li jagħmluhom tlieta b’xejn meta Chiesa b’mod intelliġenti qassam lil Immobile li madankollu tefa’ l-ballun barra. Għaxar minuti mit-tmiem Embolo jispiċċa ammonit wara daħla xejn kumplimentuża fuq Barella. Huwa jispiċċa jkun t-tieni ammonit tal-partita wara Gavranovic.
Minuta mit-tmiem tal-ħin regolamentari Ciro Immobile għamilhom 3-0 meta venven xutt minn barra l-kaxxa bil-gowlkiper Svizzeru jkun pjuttost tard.

 

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.