Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp A: Turkija – Wales 0-2

Euro 2020    Grupp A: Turkija – Wales   0-2

Bidu bilanċjat bejn iż-żewġ timijiet li qasmu l-logħob fl-ewwel minuti biex imbagħad Wales bdew jikbru aktar fil-logħob mal-milja tal-ħin. Fl-erbgħa u għoxrin minuta Wales ressqu ferm viċin li jsibu x-xibka meta b’mod intelliġenti Gareth Bale immarka lil Aaron Ramsey f’pożizzjoni strategika, għaddielu l-ballun madankollu huwa spara l-ballun barra. Ħames minuti wara waslet it-tweġiba Torka minn daqqa ta’ ras perikoluża ta’ Kaan Ayhan iżda Joe Morrell tajjar il-ballun minn fuq il-linja fatali. Man-nofs siegħa logħob Wales sabu ruħhom taħt assedku Tork. Il-logħba qed tevolvi donnha pendlu, bl-ewwel ħames minuti ikunu bilanċjati, Wales tieħu s-sopravvent san-nofs siegħa logħob u it-Turkija tieħu l-kmand tal-logħba fl-aħħar għaxar minuti tal-ewwel taqsima. L-aħjar azzjonijiet waslu għand Wales u fit-tnejn u erbgħin minuta b’mod genjali Ramsey joħroġ minn wara grazzi ghal assit ta’ Gareth Bale, jegħleb in-nasba tal-offside biex quddiem il-gowlkiper Tork Cakir ma jiżbaljax. Għal Wales ma setgħax ikun tmiem aħjar għall-ewwel 45 minuta meta daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ.

It-tieni taqsima qajla rat tibdil fil- formazzjoni u l-istrategija għal Wales madankollu t-Torok għazlu li issa jilgħabu bi tlieta fuq wara. Ċertament li t-Torok ħarġu ħafna aktar aggressivi. Għat-tim ta’Wales Gareth Bale kompla jiddistingwi ruħu b’passes perfetti. Fit-tlieta u ħamsin minuta t-Torok ressqu qrib meta Burak Yilmaz laħaq ballun tajjeb iżda ma kkonkludiex b’mod feliċi. Save brillanti ta Cakir fit-tmienja u ħamsin minuta logħob meta Aaron Ramsey spara xutt li kien milqugħ b’abbilta’.

Penalti’ mogħti lil Wales fid-disgħa u ħamsin minuta. Jinkariga ruħu minnu Gareth Bale li jitfa’ l-ballun għoli u dan l-iżball iżomm lit-Turkija jittamaw. Fl-74 minuta il-plejer ta’ Wales Kieffer Moore kellu jirċievi attenzjoni medika wara daqqa li qala mingħand Caglar Soyuncu u li ħallietu b’imnieħru jnixxi d-demm. Fid- 79 minuta kien hemm attakk tajjeb minn naħa ta’Wales li rat lil Gareth Bale jogħla fuq l-avversarji iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet milqugħa minn Cakir. Bosta ġurnalisti li segwew il-konfront qablu li l-aħjar plejer fil-grawnd kien Aaron Ramsey anke jekk dan ġie mibdul fl-84 minuta minn Harry Wilson. Meta kien skorra l-ħin regolamentari inqalghet taħwila fil-kaxxa ta’ Wales bir0referi’jispċċa jamonixxi tlett plejers wara li l-qiegħa saħħnet sewwa. Tmiem drammatiku meta ħames minuti fuq il-ħin regolamentari Gareth Bale li kellu logħba tajba ta assist lil Connor Roberts biex il-logħba intemmet 2-0 favur Wales.

 

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.