Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp B: Il-Belġju jikkwalifikaw b’rebħa diffiċli kontra d-Danimarka

UEFA Euro 2020

Grupp B

F’Kopenħagen: Danimarka – Belġju 1-2

Fil-Parken Stadium f’Copenhagen il-Belġju kisbu t-tieni rebħa minn daqstant logħbiet hekk kif f’logħba bilanċjata huma dawru t-telfa f’rebħa biex ikkwalifikaw għal mal-aħħar sittax.

Wara żewġ minuti logħob Danimarka fil-vantaġġ meta Hoejbjerg qata d-difiża avversarja bil-ballun jasal għand Poulsen li b’xutt fil-baxx sab ix-xibka. Id-Daniżi komplew iżommu l-inizjattiva fejn fil-5 minuta Courtois kien is-salvatur għall-Belġju meta mblokka fuq Maehle .

Fl-10 minuta kif kien miftiehem twaqqaf il-logħob b’rispett lejn il-player Christian Eriksen li fl-ewwel logħba lagħab sat-42 minuta hekk kif sfortunatament tah attakk tal-qalb. Il-players rispettivi tgħannqu u l-partitarji qamu fuq saqajhom u ċapċpu bħala sinjal ta’ rispett.

Lura għal-logħba għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima xutt ta’ Mikkel Damsgaard għadda ftit barra.

Il-Belġju kisbu l-gowl tad-draw fil-55 minuta meta wara ġirja tajba ta’ Lukaku huwa qassam lejn De Bruyne  b’dan tal-aħħar isib lil Thorgan Hazard li minn quddiem il-lasta b’faċilita tefa’ fix-xibka. Fil-71 minuta Belġju fil-vantaġġ meta kien Hazard li qassam lejn Kevin De Bruyne li dan b’xutt sabiħ għeleb lil Schmeichel.

Lejn it-tmiem id-Daniżi ippressaw sabiex isalvaw il-partita fejn fis-87 minuta laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras minn Martin Braithwaite.

Riżultat finali: Danimarka 1 Belġju 2

 

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.