Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp B: Finlandja 0-1 Russja

UEFA Euro 2020: Finlandja – Russja 0-1

Potenzjalment seta kien bidu tal-ħolm għall-Finlandja hekk kif sabu x-xibka wara biss erbgħa minuti logħob permezz ta’ Joel Pohjanpalo madankollu kienet ferħa bla temma hekk kif il-gowl kien imħassar minħabba off-side.

Fl-għaxar minuta r-Russja ressqu viċin madankollu minn qagħda tajba Magomed Ozdoev falla milli jinkwadra ix-xibka. Ir-Russja komplew fuq l-offensiva u fit-tlettax -il minuta Artem Dzyuba laqat il-lasta. Sal-ewwel għoxrin minuta logħob ir-Russja kellhom 72% tal-pussess tal-ballun. Fl-ghoxrin minuta kontrattakk minn naħa Fillandiża rat ix-xutt ta’ Teemu Pukki jiġi mblukkat b’abbilta’ minn Matvey Safonov. Glen Kamara huwa l-ewwel plejer li gie muri karta safra waqt il-konfront wara foul fuq Roman Zobnin. Fi zvilupp ieħor Fernandes nizel ħażin u kellu jinbidel għat-tim Russu qabel in-nofs siegħa logħob. Ir-Russi perikolożissimi fid-29 minuta madankollu il-Fillandiżi kienu attenti u ħelsu mill-periklu anke jekk kienu f’affann. Il- Finlandja ippruvaw joħolqu xi forma ta’ reazzjoni fit-32 minuta iżda x-xutt ta’ Pukki għadda barra. Żewg minuti fuq il- ħin regolamentari r-Russja finalment isibu x-xibka permezz ta’ Aleksey Miranchuk li venven xutt b’saħħtu għar-rokna tax-xibka li għamilha mpossibbli għal Hradecky li jilħaq il-ballun. Għar-Russja din kienet l-aħjar konklużjoni għal ewwel 45 minuta.

Fit-tieni taqsima l-Finlandiżi ħarġu fuq l-offensiva u Pukki anke ipprotesta għal penalti’ fid-49 minuta. Tnejn u ħamsin minuta logħob u ir-Russi jagħmlu ruħhom perikolużi permezz ta’ xutt b’saħħtu mid-distanza ta’ Aleksandr Golovin.Minuta wara risposta Finlandiża meta Pukki għal darb’ohra spara xutt tajjeb iżda sab il-gowlkiper Russu Safonov attentissimu. Hamsa u sittin minuta log]ob u r-Russi qrib ħafna li jirduppjaw meta xutt fil-baxx ta’ Rifat Zhemaletdinov jgħaddi jħakkek mal-lasta l-wieqfa.  Intant il-Finlandja għamlu l-ewwel sostituzzjoni meta Joni Kauko daħal jilgħab minflok Rasmus Schuller.

Tnejn u sebgħin minuta loghob u save kbir tal-gowlkiper Finlandiż Hradecky meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Daler Kuzyaev u li deher sejjer dritt fix-xibka kien imdawwar b’abbilta’ liema bħalha. Ir-Russja komplew jippressaw  sal-aħħar ħinijiet madankollu il-konklużjonijiet ma ssarfux f’aktar gowls.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.