Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp B: Punti massimi għall-Belġju

Grupp B

F’St Petersburg: Finlandja- Belġju 0-2

Il-Belġju kisbu t-tielet rebħa biex spiċċaw l-ewwel fi Grupp B b’punti massimi dan wara li għelbu lill-Finlandja bl-iskor ta’ 2-0.

Fit-23 minuta azzjoni tajba mill-Belġju permezz ta’ Kevin De Bruyne li wara li għadda bejn diversi players kellu x-xutt imblukkat fil-ħin. U tlett minuti minn tmiem l-ewwel taqsima xutt ta’ Jeremy Doku kien salvat mill-gowlkeeper Hradecky.

Ċans ieħor għall-Belġju fis-56 minuta hekk kif Alex Witsel sab lil Chadli bix-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkeeper avversarju. Biex fil-65 minuta l-Belġju ħasbu li fetħu l-iskor meta kien De Bruyne li sab lil Lukaku f’tarf il-kaxxa iżda l-ferħ tagħhom ma’ damx ħafna peress li wara konsultazzjoni mal-VAR dan ma’ ġiex konvalidat minħabba posizzjoni t’offside.

Fl-74 minuta finalment il-Belġju fetħu l-iskor meta fuq corner ta’ De Bruyne kien Thomas Vermaelen li bir-ras laqat il-lasta bil-ballun jaħbat mal-gowlkeeper Hradecky u jispiċċa ġewwa. Fil-81 minuta De Bruyne lejn Lukaku li b’xutt fil-baxx irdoppja.

Il-Belġju issa jistennew li jkunu jafu l-avversarji fir-rawnd li jmiss meta jridu jilgħabu kontra wieħed mit-timijiet li jispiċċa t-tielet.

Riżultat finali: Finlandja- Belġju 0-2

 

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League