Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp B: L-ewwel rebħa għad-Danimarka tpoġġihom fil-fażi li jmiss

UEFA Euro 2020

Grupp B

F’Kopenħagen: Russja – Danimarka 1-4

Wara żewġ telfiet rebħa kbira mid-Danimarka li għelbu lir-Russja bl-iskor ta’ 4-1 biex spiċċaw it-tieni fil-grupp bir-Russi l-aħħar u eliminati.

Fit-18 il-minuta kien Aleksandr Golovin li wara ġirja tajba kkonkluda iżda Schmeical imblokka tajjeb. Id-Daniżi rrispondew fid-29 minuta permezz ta’ Pierre-Emile Hoejbjerg bix-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Kien fit-38 minuta li d-Danimarka fetħu l-iskor b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ Mikkel Damsgaard.

Fid-59 minuta d-Danimarka rduppjaw. Żball kbir fid-difiża Russa minn Kuzyaev bil-pass lura jsib lil Poulsen li waħdu b’lasta vojta poġġa l-ballun fix-xibka. Ir-Russi daħlu fil-partita fis-70 minuta meta wara li Vestergaard waqqa lil Sobolev fil-kaxxa u mill-ħdax il-metru Artem Dzyuba kkonverta.

Ħdax il-minuta mit-tmiem id-Danimarka ssiġillaw ir-rebħa b’gowl il-ġmiel tiegħu minn Andreas Christensen li b’xutt minn barra l-kaxxa sab ix-xibka. Żewġ minuti biss wara l-iskor isir 4-1 meta kien Joakim Maehle li wara kontrattakk veloċi tefa’ lill-partitarji Daniżi fil-Parken Stadium f’dellirju ta’ ferħ.

Id-Danimarka issa tilgħab kontra Wales nhar is-Sibt li ġej fil-Johan Cruijff Arena.

Riżultat finali: Russja – Danimarka 1-4

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.