Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp Ċ: L-Awstrija jibdew bir-rebħ

Fl-ewwel partita minn grupp Ċ, l-Awstrija ħarġu bl-ewwel tliet punti tal-kompetizzjoni meta għelbu lil Maċedonja ta’ Fuq bl-iskor ta’ 3-1.

Dan kien id-debutt tal-Maċedoni f’din il-kompetizzjoni u għalkemm ħarġu b’idejhom vojta minn dan il-konfront, kellhom wirja verament tajba.

L-Awstrija marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta logħob meta kien Stefan Lainer li rċieva tajjeb mingħand Marcel Sabitzer li mal-ewwel xeħet il-ballun fix-xibka sabiex jegħleb lill-gowlkiper Dimitrieski.

Il-Maċedonja bdew ħerġin mill-qoxra difensiva tagħhom u fit-28 minuta kien l-attakkant veteran Goran Pandev li bl-aktar mod opportunistiku skorja mill-viċin sabiex għamilhom 1-1, riżultat li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, kien il-gowlkiper tal-Maċedonja Stole Dimitrieski li fl-64 minuta salva tajjeb daqqa ta’ ras tas-sostitut Awstrijak Michael Gregoritsch.

Fis-77 minuta, l-Awstrijaċi marru minn fuq meta kien l-istess Gregoritsch li antiċipa lill-gowlkiper tal-Maċedonja u skorja mill-viċin wara xogħol tajjeb ta’ David Alaba.

L-Awstrija aċċertaw ir-rebħa fid-89 minuta meta kien Marko Arnautovic li rċieva tajjeb mingħand Konrad Laimer sabiex wara li dar mal-gowlkiper xeħet il-ballun fix-xibka.

Skor Finali: Awstrija 3 Maċedonja ta’ Fuq 1

Referi kien Andreas Eckberg mill-Federazzjoni Żvediża.

18′ Stefan Lainer 1-0

28′ Goran Pandev 1-1

78′ Michael Gregoritsch 2-1

90′ Marko Arnautovic 3-1

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.