Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp Ċ: L-Olanda jikkwalifikaw u jirbħu l-Grupp

UEFA Euro 2020

Grupp Ċ

F’Amsterdam: Olanda – Awstrija 2-0

Fil-Johan Cruijff Arena, f’Amsterdam l-Olanda kisbu rebħa bl-iskor ta’ 2-0 kontra l-Awstrija biex ikkwalifikaw u saħansitra rebħu wkoll Grupp C.

Fil-11 il-minuta l-Olanda fetħu l-iskor. Wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee ddeċieda li jagħti penalty għall-foul ta’ David Alaba fuq Denzel Dumfries. Mill-ħdax il-metru Memphis Depay ikkonverta. Fl-24 minuta Memphis Depay ittanta xortih b’xutt angolat minn barra l-kaxxa li spiċċa barra. Għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima l-Awstrija resqu viċin b’xutt ta’ Martin Hinteregger li għadda ftit għoli.

L-Olanda rrispondew mill-ġdid fl-40 minuta bi cross ta’ Weghorst li ġab lil Depay waħdu iżda l-attakkant Olandiż ikkonkluda inkredibilment għoli.

Fis-67 minuta l-Olanda rduppjaw dan wara li Malen ħa l-pussess tal-ballun f’nofs il-ground u wara li avvanza qassam għan-nofs lejn Denzel Dumfries li ma’ kellux diffikulta li jitfa l-ballun fix-xibka.

Fil-81 minuta azzjoni rari tal-Awstrija b’xutt ta’ Alaba li għadda jħakkek mal-wieqfa.

Riżultat finali: Olanda 2 Awstrija 0

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.