Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp Ċ: L-ewwel rebħa għall-Ukrajna f’partita missielta

UEFA Euro 2020

Grupp Ċ

F’Bukarest: Ukrajna – Maċedonja ta’ Fuq 2-1

L-Ukrajna kisbu l-ewwel rebħa fil-Euro 2020 dan wara li f’partita mimlija azzjonijiet huma għelbu lill-Maċedonja ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-1.

Wara li fl-ewwel minuti l-logħob kien bilanċjat, aktar ma’ beda jgħaddi l-ħin l-Ukrajna bdew iżidu l-pressjoni biex fid-29 minuta huma fetħu l-iskor. Kien Alexander Karavaev li qassam fid-direzzjoni ta’ Andriy Yarmolenko li mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka. L-Ukreni komplew jiddominaw biex ħames minuti wara huma rduppjaw b’xutt ta’ Roman Yaremchuk.

Il-Maċedonja bdew it-tieni taqsima aktar aggressivi fejn fil-55 minuta xutt ta’ Trajkovski kien salvat mill-gowlkeeper Ukren bil-ballun jaħbat mal-lasta. Fl-istess azzjoni Karavaev waqqa lil Pandev fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax il-metru Alioski kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn Buschan iżda mir-rebound huwa sab ix-xibka.

Fit-68 minuta xutt ta’ Trajkovski ġie mdawwar f’corner mill-gowlkeeper Ukren. Biex fuq in-naħa l-oħra fl-74 minuta Viktor Tsigankov falla ċans kbir meta falla minn quddiem il-lasta. L-Ukrajna fallew ċans li jissiġillaw ir-rebħa fejn wara li Daniel Avramovski miss il-ballun b’idu fil-kaxxa, ngħata l-penalty b’konsultazzjoni mal-VAR iżda Ruslan Malinovsky kellu x-xutt tiegħu salvat minn Dimitrievski.

Riżultat finali: Ukrajna – Maċedonja ta’ Fuq 2-1

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.