Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp D: Debutt pożittiv għall-Ingilterra

UEFA Euro 2020

L-Ingliżi bdew bl-aħjar mod possibbli l-impenji tagħhom fi grupp D tal-kampjonat Ewropew meta f’Wembley Stadium huma għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet logħba bejn żewġ timijiet li huma favoriti li jgħaddu minn dan il-grupp. L-Ingliżi riedu jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħhom bil-Kroati li xtaqu joħolqu s-sorpriża.

Kien konfront li ftit jew xejn ħoloq xi emozzjonijiet kbar għalkemm fl-aħħar mill-aħħar l-aqwa tim fil-grawnd ħa t-tliet punti.

L-Ingliżi mal-ewwel marru fuq l-attakk u kien Phil Foden illi fil-ħames minuta rċieva tajjeb u b’xutt b’saħħtu fil-baxx laqat il-wieqfa.

Bl-ewwel taqsima, nieqsa minn kull emozzjoni possibbli tispiċċa fi dro ta’ 0-0.

Minkejja kollox, l-Ingilterra ħarġu tajjeb u fis-57 minuta marru fil-vantaġġ meta kien Kevin Phillips li għadda l-ballun lil Raheem Sterling li saħansitra antiċipa d-difensur Kroat Vrsaljko u b’xutt fil-baxx għeleb għal kollox lil Livakovic.

Fis-66 minuta, l-Ingliżi reġgħu resqu viċin minn frikik mill-isbaħ ta’ Mason Mount li għadda ftit għoli mil-lasti ta’ Livakovic.

Il-Kroati ttantaw reazzjoni bil-kowċ Zlatko Dalic wettaq xi sostituzzjonijiet sabiex isaħħaħ l-attakk iżda d-difiża Ingliża mmexxija minn Kyle Walker baqgħet soda sabiex ħadu t-tliet punti minn dan il-konfront.

Skor finali: Ingilterra 1 Kroazja 0

Referi kien Daniele Orsato mill-Federazzjoni Taljana.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.