Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp D: Ir-Repubblika Ċeka jitilgħu l-ewwel fil-Grupp

UEFA Euro 2020

Grupp D

Fi Glasgow: Kroazja – Repubblika Ċeka 1-1

 

Draw ta’ 1-1 bejn il-Kroazja u r-Repubblika Ċeka b’dawn tal-aħħar jitilgħu temporanjament fl-ewwel post ta’ Grupp D.

Wara 4 minuti logħob fuq cross ta’ Jankto daqqa ta’ ras minn Tomas Soucek għaddiet ftit għoli mill-mimduda. Biex fit-18 il-minuta ċans tajjeb għar-Repubblika Ċeka meta Vladimir Coufal sab lil Patrik Schick li minn posizzjoni ideali falla. Il-Kroati rrispondew f’nofs l-ewwel taqsima permezz ta’ Ivan Perisic li kellu x-xutt tiegħu salvat mill-gowlkeeper avversarju.

Tmien minuti minn tmiem l-ewwel taqsima wara konsultazzjoni mal-VAR iċ-Ċeki ngħataw penalty wara foul ta’ Dejan Lovren fuq Patrik Schick. L-istess player ma’ falliex biex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ fejn dan kien it-tielet gowl tiegħu fil-Euro 2020. Reazzjoni immedjata mill-Kroazja li fid-39 minuta kellhom ċans li jiksbu d-draw iżda Rebic waħda quddiem Vaclik ikkonkluda barra.

Tlett minuti fit-tieni taqsima l-Kroazja kisbu l-gowl tad-draw. Kien Ivan Perisic li wara li evita lill-avversarju dirett tiegħu b’xutt angolat il-ġmiel tiegħu sab ir-rokna tax-xibka. Mas-siegħa logħob Schick indirizza barra bir-ras. U fit-73 minuta fuq in-naħa l-oħra xutt ta’ Blasic għadda ftit barra.

Riżultat finali: Kroazja 1 Repubblika Ċeka 1

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.