Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp D: Doppjetta ta’ Schick tagħti rebħa lir-Repubblika Ċeka

UEFA Euro 2020

F’Hampden Park fi Glasgow ir-Repubblika Ċeka kellha bidu pożittv  għall-Euro 2020 meta b’doppjetta ta’ Patrik Schick, gowl f’kull taqsima, għelbu lill-Iskozja 2-0.

Mingħajr dubju li kien riżultat kiefer mal-Iskoċċiżi li kellhom ħafna opportunitajiet ta’ skor iżda xi ftit ta’ sfortuna u bravuri tal-goalkeeper Vaclik għamlu d-differenza. Iċ-Ċeki kellhom il-mumenti tagħhom u ħatfu tnejn miċ-ċansijiet li ħolqu, bit-tieni gowl ta’ Schick verament spettakolari.

L-ewwel taqsima kienet bilanċjata bl-Iskoċċiżi jkollhom iktar mil-logħob  u kienu iktar avventurużi fl-attakk. Fil-31 minuta l-Iskozja kellha l-isbaħ opportunita’ meta Robertson minn qagħda ideali kien imċaħħad mill-goalkeeper taċ-Ċeki.

Fit-42 minuta ir-Repubblika Ċeka fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Coufal kien l-attakkant Patrik Schick li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Marshall.

Fit-tieni taqsima bidu aggressiv mill-Iskoċċiżi li kienu sfortunati fis-47 minuta meta xutt ta’ Hendry ħabat mal-mimduda. Żewġ minuti wara l-goalkeeper Vaclik wettaq l-isbah save tal-logħba meta evita’ awtogowl ta’ Kalas.

Iżda fit-52 minuta f’kontrattakk veloċi ċ-Ċeki rduppjaw meta Schick skorja minn nofs il-grawnd b’lob preċiż li qabad lil Marshall barra minn postu. L-Iskoċċiżi komplew jattakkaw iżda ma setgħux isibu x-xibka avversarja.

Skor finali: Skozja 0 Repubblika Ċeka 2

Referi : Daniel Siebert (Ġermanja)

42′ Patrik Schick 0-1

52′ Patrik Schick 0-2

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.