Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp E: Sorpriża mis-Slovakkja kontra l-Polonja b’għaxar plejers

UEFA Euro 2020

Grupp E

F’St Petersburg: Polonja – Slovakkja 1-2

Riżultat sorprendenti fl-ewwel logħba minn Grupp E fejn is-Slovakkja għelbu lill-Polonja 2-1, f’logħba mill-iktar missielta u nteressanti.

Minkejja li r-riżultat jista’ jitqies bħala sorpriża, s-Slovakkja ma serqu xejn fejn taw daqs kemm qalgħu biex finalment kisbu t-tliet punti. F’din il-logħba kellna l-ewwel karta ħamra tal-Euro 2020 bil-Pollakki jkollhom jilagħbu l-aħħar nofs siegħa bi plejer inqas.

Slovakkja marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta meta Mak daħal tajjeb fil-kaxxa u minn pożizzjoni ferm angolata ra x-xutt tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta u mal-goalkeeper Szczecny u jispiċċa fix-xibka.

Fis-26 minuta reazzjoni tal-Pollakki b’Rybus ifalli bir-ras minn qagħda tajba u tliet minuti wara kien Kucka li xeħet għoli wara azzjoni tajba tas-Slovakki.

Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Polonja k isbu l-gowl tad-dro b’azzjoni tajba bejn diversi plejers u li kienet mitmuma minn Karol Linetty li skorja b’xutt preċiż fil-baxx.

Fit-62 minuta l-Pollakki spiċċaw bi plejer inqas meta Grzegorz Krychowiak kien muri t-tieni karta safra u s-Slovakki approfittaw sitt minuti wara meta minn azzjoni ta’ korner id-difensur ta’ Inter Milan Skriniar spara fix-xibka.

Minkejja li bi plejer inqas il-Polonja xeħtu kollox fl-attakk u fl-aħħar minuti kellhom diversi opportunitajiet ta’ skor iżda ma rnexxielhomx isalvaw il-logħba.

Skor finali: Polonja 1  Slovakkja  2

18′ 0-1 og Wojciech Szczesny

46′ 1-1 Karol Linetty

69′ 1-2 Milan Skriniar

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.