Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp E: Spanja għal darb’oħra miżmuma fi dro

Spanja u Polonja spiċċaw fi dro ta’ 1-1 f’partita minn grupp E li ntlagħbet f’Seville.

Fis-26 minuta, l-Ispanjoli marru minn fuq meta kien Gerard Moreno li kkrossja fil-baxx u sab lil Alvaro Morata li minn żewġ passi bogħod skorja mill-viċin.

Fit-43 minuta, il-Pollakki kienu żvinturati li laqtu l-lasta wara xutt tajjeb ta’ Karol Swiderski. Mir-ribawnd, kien Robert Lewandowski li ra lill-gowlkiper Spanjol Unai Simon jilqa’ tajjeb sabiex iċaħħad lill-avversarji tiegħu mis-sodisfazzjon tal-gowl.

Bl-ewwel 45 minuta jagħlqu bi Spanja 1-0 minn fuq.

Il-Polonja ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u sa fl-aħħar sabu l-gowl tad-dro grazzi għall-iskorer prolifiku tagħhom Robert Lewandowski li għola tajjeb bir-ras wara kross ta’ Kamil Jozwiak.

Fis-56 minuta, Spanja ngħataw penalty meta Gerard Moreno ġie ffawljat  mid-difensur Pollakk Jakub Moder.

Madankollu l-istess Moreno ra t-tentattiv tiegħu mill-11-il metru jaħbat mal-wieqfa sabiex mir-ribawnd kien Morata li xeħet barra.

Fit-72 minuta kien hemm kross ta’ Llorente u daqqa ta’ ras ta’ Ferran Torres li għaddiet ftit barra.

Fit-80 minuta xutt ta’ Rodri sab lil Szczesny attent.

Il-Polonja komplew jiddefendu sa snienhom sabiex ħarġu b’riżultat ta’ dro li jħallihom jittamaw fl-aħħar ġurnata ta’ logħob.

Skor Finali: Spanja 1 Polonja 1

Referi kien Daniele Orsato mill-Federazzjoni Taljana.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.