Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp E: Dominju sterili Spanjol fl-ewwel logħba mingħajr gowls

UEFA Euro 2020

Grupp E

F’Sevilla: Spanja – Żvezja 0-0

Waslet l-ewwel logħba mingħajr gowls fil-Euro 2020 meta Spanja kienet miżmuma fi draw mill-Iżvezja. Minkejja l-pussess tal-ballun ta’ iktar minn 75 fil-mija favur l-Ispanjoli, fi tmiem id-90 minuta it-tim ta’ Luis Enrique ma kellu xejn x’juri biex b’hekk Spanja bdiet fuq nota stunata din l-avventura.

Spanja gawdew minn iktar pussess ta’ ballun u kellhom l-ewwel tentattiv wara 17-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Olmo salvata minn Olsen. Spanja komplew jattakkaw u fit-23 u fid-29 minuta kien il-captain ta’ Atletico Koke li resaq qrib għal Spanja.

Fl-40 minuta xutt ta’ Morata falla l-mira bi ftit u tliet minuti wara Żvezja sfortunati meta xutt ta’ Isak kien imtajjar minn Llorente bil-ballun jaħbat mal-lasta u jispiċċa f’idejn il-goalkeeper.

Kien baqa’ ħin għal azzjoni oħra bix-xutt ta’ Olmo salvat minn Olsen.

Fit-tieni taqsima Spanja żammew l-inizjattiva iżda l-Iżvezja għalqu tajjeb u mas-siegħa logħob fallew ċans tajjeb meta Isak qassam lejn Berg li xeħet għoli minn taħt il-lasta.

Spanja assedjaw lill-avversarji għall-kumplament tal-logħba fejn l-Iżvediżi ma baqgħux effettivi bil-kontrattakki wara li ħareġ Isak. L-aħħar minuti kienu diffiċli għall-Iskandinavi li kienu salvati għal iktar minn darba mill-goalkeeper Olsen li kien bla dubju l-eroj tal-logħba.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.