Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp E: Rebħa Żvediza li tpoggihom fl-ewwel post tal-Grupp

UEFA Euro 2020

Grupp E

F’St Petersburg: Żvezja – Slovakkja 1-0

F’logħba minn Grupp E l-Iżvezja kisbu rebħa importanti kontra l-Islovakkja li biha komplew jersqu aktar viċin il-kwalifikazzjoni.

L-ewwel taqsima kienet waħda deludenti fejn ebda tim ma’ resaq lejn il-lasta avversarja. Fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta l-Iżvezja ħarġu aktar aggressivi fejn mas-siegħa logħob fuq cross ta’ Sebastian Larsson daqqa ta’ ras minn Ludwig Augustinsson ġiet imdawra f’corner mill-gowlkeeper avversarju. Fis-67 minuta ċans ieħor għall-Iżvezja meta fuq cross ta’ Mikael Lustig kien Alexander Isak li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi tħakkek mal-mimduda.

L-Iżvezja komplu jiddominaw u jżidu l-pressjoni biex fil-71 minuta resqu viċin mill-ġdid b’Alexander Isak jgħaddi bejn numru ta’ players iżda x-xutt tiegħu kien salvat mill-gowlkeeper Slovakk Dubravka.

Biex tlettax il-minuta mit-tmiem l-Iżvezja finalment fetħu l-iskor b’dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Wara foul fil-kaxxa tal-gowlkeeper Dubravka fuq Isak kien Emil Forsberg li mill-ħdax il-metru fetaħ l-iskor.

Riżultat finali: Żvezja 1 Slovakkja 0

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.