Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp F: Auto gowl ta’ Hummels jagħti rebħa importanti lil Franza

Grupp F

Franza 1 Ġermanja 0

Franza bdew l-impenji tagħhom fil-Euro 2020 b’rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Ġermanja fl-aktar logħba mistennija u li ġabet fit-tmiem l-ewwel ġurnata ta’ logħob minn din il-kompetizzjoni. Fl-Allianz Arena fi Munich Franza kienu superjuri għall-avversarji iżda l-partita baqgħet inċerta sal-aħħar.

Fis-16 il-minuta l-ewwel ċans tal-partita meta minn corner ta’ Griezmann daqqa ta’ ras minn Pogba falliet il-mira. Biex ftit tal-ħin wara xutt ta’ Mbappe kien imdawwar f’corner mill-gowlkeeper Ġermaniż Neuer. Fl-20 minuta Franza fetħu l-iskor meta kien Mats Hummels li tefa’ fix-xibka tiegħu stess wara koknlużjoni ta’ Lucas Hernandez. Seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Gnabry sab lil Gundogan b’dan tal-aħħar jikkonkludi barra minn posizzjoni tajba.

Fit-52 minuta Franza viċin li jżidu l-vantaġġ iżda Rabiot minn posizzjoni angolata laqat il-wieqfa. Risposta immedjata mill-Ġermanja meta minn cross ta’ Gosens kien Gnabry li x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda jħakkek mal-mimduda. Franza sabu x-xibka minn Mbappe fis-66 minuta iżda l-gowl ġie mħassar minħabba offside marġinali tal-istess player.

Sitt minuti minn tmiem il-partita Franza kellhom goal ieħor ta’ Benzema imħassar għal offside ta’ Pogba. Sat-tmiem Franza kkontrollaw il-vantaġġ biex ħadu tlett punti prezzjużi minn konfront diffiċli.

Riżultat finali: Franza 1 Ġermanja 0

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.