Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp F: Tasal l-ewwel rebħa tal-Ġermanja

Il-Ġermanja kisbu l-ewwel rebħa tagħhom f’EURO 2020 meta f’partita mimilja gowls, huma għelbu lil Portugall bl-iskor ta’ 4-2.

Fir-raba’ minuta, il-Ġermanja kellhom gowl imħassar ta’ Sergei Gnabry wara li Muller deher imiss il-ballun b’idu.

U fuq in-naħa l-oħra, il-Portugall marru fil-vantaġġ eżattament mal-kwarta logħob meta kien Diego Jota li qassam tajjeb lil Cristiano Ronaldo li f’lasta vojta ma kellu l-ebda problema jixħet il-ballun fix-xibka. Dan kien it-tielet gowl li skorja l-attakkant ta’ Juventus f’dan il-kampjonat Ewropew.

 

Il-Ġermaniżi ġabu l-iskor indaqs fil-35 minuta meta kien Robin Gosens li ndirizza kross tajjeb lejn Kai Havertz li xxuttja mal-ewwel  għalkemm kien hemm devjazzjoni tad-difensur Portugiż Ruben Dias li xeħet fil-lasta tiegħu stess.

 

Il-partitarji Portugiżi preżenti fi Munich baqgħu b’ħalqhom miftuħ meta reġa’ kien hemm awto-gowl ieħor, din id-darba ta’ Raphael  Guerrero li kellu l-isfortuna li jixħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess wara kross ta’ Joshua Kimmich.

Fil-ħin mogħti żejjed mir-referi, xutt ta’ Gnabry għall-Ġermanja ra l-aħjar mill-gowlkiper Portugiż Rui Patricio li laqa’ tajjeb.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 2-1 favur il-Ġermanja.

 

 

Hekk kif għaddew sitt minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, il-Ġermaniżi għamluhom tlieta meta kien Gosens li għadda lejn Kai Havertz li skorja f’lasta prattikament vojta.

It-tim immexxi minn Joachim Low kompla jikkonvinċi u ma kinitx sorpriża li skorjaw ir-raba’ gowl mas-siegħa logħob meta kien Robin Gosens li bir-ras għeleb lil Patricio wara kross ta’ Kimmich.

Il-Portugall reġgħu daħlu fil-logħba fit-68 minuta meta kien Diego Jota li mattar siequ biex jixħet il-ballun f’lasta vojta.

 

 

Skor Finali: Portugall 2 Ġermanja 4

Referi kien Anthony Taylor mill-Federazzjoni Ingliża.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.