Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp F: Franza miżmuma mill-Ungerija

L-Ungerija żammew liċ-champions tad-dinja Franza fi dro ta’ 1-1 f’partita minn grupp F ta’ dan il-kampjonat Ewropew.

Kienet wirja ferm aħjar mit-tim Ungeriż wara t-telfa xi ftit diżappuntanti kontra l-Portugall fl-ewwel partita tagħhom.

Franza ħolqu l-ewwel ċans tal-logħba fis-17-il minuta meta wara kross ta’ Lucas Digne kien Kylian Mbappe li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tispiċċa kemm kemm barra mil-lasti Ungeriżi.

Fit-33 minuta, kien l-istess Mbappe li ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra.

U kien fil-ħin mogħti żejjed mir-referi qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Ungerija marru fil-vantaġġ meta kien Attila Fiola li avvanza tajjeb, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Hugo Lloris.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq bl-Ungerija 1-0 minn fuq.

Franza ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u kisbu l-gowl tad-dro permezz ta’ Antoine Griezmann li ħa kross tajjeb ta’ Kylian Mbappe u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Gulacsi.

Minkejja kollox, l-Ungeriżi żammew sod sabiex ħadu punt ferm importanti quddiem il-partitarji tagħhom f’Budapest.

Skor Finali: Ungerija 1 Franza 1

Referi tal-partita kien Michael Oliver mill-Federazzjoni Ingliża.

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.