Euro2020
UEFA Euro 2020 Grupp F: Tlett gowls lejn l-aħħar jagħtu rebħa lill-Portugall

Il-holders il-Portugall bdew b’rebħa bl-iskor ta’ 3-0 kontra l-Ungerija dan wara li huma sofrew xi ftit u kellhom ikunu tlett gowls fl-aħħar sitt minuti tal-logħba li wittew it-triq għall-ewwel tlett punti tagħhom.

Fis-36 minuta minn free kick ta’ Sallai kien Adam Szalai li bir-ras impenja lil Patricio. Risposta tal-Portugall fl-40 minuta iżda konklużjoni ta’ Iota ġiet imdawra f’corner mill-gowlkeeper Ungeriż. Iżda l-aħjar ċans tal-ewwel taqsima waqa f’saqajn Ronaldo li tlett minuti mit-tmiem tagħha waħdu quddiem il-lasta xeħet inkredibilment għoli.

Fit-48 minuta minn corner ta’ Fernandes daqqa ta’ ras minn Pepe kienet imblukkata minn Gulacsi. U għaxar minuti wara xutt ta’ Sallai b’Patricio jimblokka. Portugall viċin fit-68 minuta meta xutt mid-distanza ta’ Fernandes iżda Gulacsi attent u dawwar f’corner.

Għaxar minuti mit-tmiem l-Ungerija sabu x-xibka minn Schon iżda l-gowl ġie mħassar minħabba posizzjoni t’offside tal-istess player. Sitt minuti mit-tmiem Portugall fil-vantaġġ meta fuq cross devjat ta’ Silva kien Guerreiro li mgħejjun ukoll minn devjazzjoni sab ix-xibka. Dan jidher li kien il-kollass tal-Ungerija li tlett minuti wara sofrew it-tieni gowl fejn wara li Orban waqqa lil Rafa Silva fil-kaxxa kien Ronaldo li mill-ħdax il-metru kkonverta.

Biex fil-ħin mogħti żejjed kien Ronaldo li skorja t-tieni gowl personali u t-tielet għat-tim tiegħu.

Riżultat finali Ungerija 0 Portugall 3

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.