Euro2020
UEFA EURO 2020 – Ħarsa lejn Grupp Ċ

L-OLANDA

L-Olanda tilfet l-aħħar żewġ turnew maġġuri, l-EURO 2016 u t-Tazza tad-Dinja 2018, u allura din l-edizzjoni qed titqies bħala r-ritorn tat-tim Oranġjò. It-tim nazzjonali Olandiż ibati minn inkonsistenza kbira, għax wara li fl-Afrika t’Isfel fl-2010 kienu sfaw megħluba fil-finali, imbagħad fil-Brażil fl-2014 ġew it-tielet, ħadd ma stenna li fl-2016 u fl-2018 ma kenux ser jagħmluha għat-turnew.

Fl-edizzjoni tan-Nations League fl-2019, l-Olanda tilfu biss logħba waħda, imma r-riżultati tagħhom xorta waħda baqgħu mhux konvinċenti. Fl-aħħar tliet snin rebħu lill-Ingilterra, lil Franza u l-Ġermanja, imma ftit tax-xhur ilu għadhom kif tilfu mat-Turkija 4-2. It-tim nazzjonali Olandiż kellu ħames kowċis differenti fl-aħħar seba’ snin u dan ikompli juri t-taqlib li għadhom għaddejjin minnu.

Mindu rtiraw plejers bħal Arjen Robben u Robin van Persie donnu li l-Olandiżi ma ħadux ruħ, imma issa qed jittamaw f’żgħażagħ bħal Frenkie de Jong u Matthijs de Ligt.

L-Olanda ser tilgħab kontra l-Ukrajna fit-13 ta’ Ġunju, imbagħad kontra l-Awstrija fis-17 u kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fil-21 ta’ Ġunju.

L-AWSTRIJA

Fl-edizzjoni tal-EURO 2016 l-Awstrijaċi xejn ma marru tajjeb u qed jittamaw li f’din l-edizzjoni x-xorti tidħkilhom xi ftit aktar. L-Awstrijaċi jħossu li telgħu fi grupp pjuttost tajjeb, u għandhom ċans li jagħmluha bit-tieni post. L-Awstrija għadha trid tirbaħ f’dan it-turnew, għaliex kemm fl-2008 u anke fl-2016, huma ħadu żewġ draws u erba’ telfiet. Fl-edizzjoni li għaddiet kellhom aspettativi kbar wara li kienu għaddew mill-grupp b’disa’ rebħiet minn għaxar logħbiet, imma fi Franza fallew bl-ikrah.

L-Awstrijaċi jilagħbu l-ewwel logħba kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fit-13 ta’ Ġunju, f’Bucharest, ir-Rumanija. Wara jmorru Amsterdam biex jilagħbu kontra l-Olanda fis-17 ta’ Ġunju, u jirritornaw Bucharest biex jaffaċċjaw lill-Maċedonja ta’ Fuq.

Ħafna mill-plejers Awstrijaċi jilagħbu fil-Bundesliga, u David Alaba, Aleksandar Dragovic, Stefan Ilsanker u Marcel Sabitzer huma mimlija esperjenza għal din l-edizzjoni. Il-captain Julian Baumgartlinger għadu qed jirkupra minn uġigħ f’irkopptu, imma l-kowċ jista’ jkun li ser jibqa’ jittama sal-aħħar li jkun tajjeb biex jilgħab.

L-UKRAJNA

Għalkemm is-sitwazzjoni fil-pajjiż mhijiex l-aktar waħda ideali, l-Ukreni xorta rnexxilhom jgħaddu għall-edizjzjoni tal-EURO 2020. Il-kwistjonijiet bejn Kyiv u Moska baqgħu għaddejjin, u dan affettwa lill-futbol, imma b’xi mod l-Ukrajna xorta għaddiet għat-turnew ta’ ftit jiem oħra. Fil-fatt, il-Premier League Ukren mar lura ħafna minn meta beda l-ġlied bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-politika spiċċat tinfluwenza d-deċiżjonijiet fil-futbol, tant li d-difensur Ukren Yaroslav Rakitskiy ma baqax jiġi mgħajjat man-nazzjonali għaliex ingħaqad ma’ Zenit St Petersburg.

It-tim li huwa mmexxi minn Andriy Schevchenko, qas biss ikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja 2018, imma minn hemm ‘il quddiem l-ex stilla Ukren irnexxilu jdaħħal spirtu ġdid fit-tim u huma ħafna li qed jistennew li l-Ukreni jissorprendu.

Meta ttellgħu fi Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għal din l-edizzjoni, ftit kienu li immaġinaw li l-Ukrajna ser jagħmluha, meta magħhom kien hemm timijiet bħall-Portugall u s-Serbja, imma l-Ukreni spiċċaw l-ewwel fil-grupp mingħajr telfa, u qalgħu biss erba’ gowls. Fil-logħba kontra s-Serbja, l-Ukreni skurjaw ħamsa mingħajr ma qalgħu gowl wieħed.

Din l-edizzjoni ma tistax tkun agħar minn ta’ qabilha. Fi Franza, ħames snin ilu, l-Ukreni tilfu kull logħba, spiċċaw bla punti u qas biss skurjaw gowl wieħed.

IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

Din hija l-ewwel darba li l-Maċedonja ta’ Fuq poġġiet isimha fuq il-mappa tal-futbol Ewropew. Minn mindu ħadet l-indipendenza, il-Maċedonja ta’ Fuq uriet li għandha livell tajjeb ta’ sportivi, u rnexxilha tagħmilha għall-EURO 2020.

Minn meta l-pajjiż ħa l-indipendeza mill-Jugoslavja fl-1991, qatt ma ġew daqshekk viċin li jikkompetu f’turnew maġġuri, u r-rebħa ta’ 1-0 fuq il-Ġorġja fil-play-offs fissret li l-EURO 2020 ser tkun l-ewwel esperjenza għal dan it-tim.

Sa ħames snin ilu l-Maċedonja ta’ Fuq xejn ma kienet f’sitwazzjoni feliċi. Fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2016, it-tim kien spiċċa l-aħħar b’4 punti, sitwazzjoni simili fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2018.

Ħadd mhu qed jistenna xejn mill-Maċedonja ta’ Fuq f’din l-edizzjoni. Huma jibdew kontra l-Awstrija fit-13 ta’ Ġunju, wara jilagħbu mal-Ukrajna imbagħad fl-aħħar mal-Olanda.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA