Euro2020
UEFA EURO 2020 – Ħarsa lejn Grupp D

L-INGILTERRA

It-tim nazzjonali Ingliż bena aspettattiva li wieħed irid jara jekk jirnexxilux jilħaqha. Din hija l-problema li għandu quddiemu l-manager Gareth Southgate, għaliex meta fl-2018 ħa tim żagħżugħ ir-Russja għat-Tazza tad-Dinja, ħadd ma stenna li ser jirritornaw lura fil-pajjiż b’idejhom mimlija. U f’dik l-edizzjoni, l-Ingliżi waslu sas-semifinali kontra kull mistenni.

Tliet snin wara, ħafna minn dawk il-plejers għadhom hemm u mmaturaw, komplew jikbru fl-istatura u magħhom inagħqdu oħrajn li qed jistennew li jibbrillaw f’kompetizzjonijeit simili.

Fil-grupp l-Ingliżi ser jilagħbu l-logħbiet kollha f’Wembley Stadium, u l-fatt li l-finali ser tintlagħab fl-istess post, qed tagħti aktar spinta lill-plejers tat-tim nazzjonali Ingliż. L-Ingliżi ilhom ma jirbħu tazza f’pajjiżhom għal dawn l-aħħar 55 sena.

Jekk fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li għaddiet il-midfield kien xi ftit batut għat-tim Ingliż, mhux l-istess jista’ jingħad issa bi plejers bħal Mason Mount u Phil Foden, li għalkemm għadhom żgħar, għandhom talent kbir.

Il-mistoqsija l-kbira u l-akbar uġigħ ta’ ras għal Southgate żgur hi jekk hux ser jirnexxilu jagħżel l-aqwa formazzjoni mit-talent li għandu.

IL-KROAZJA

Fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ tliet snin ilu, il-Kroati waslu sal-finali u ħarġu telliefa. U għal din l-edizzjoni l-istennija fil-pajjiż hija waħda kbira li jistgħu jagħmluha u jieħdu s-suċċess lejn pajjiżhom.

Mir-Russja, il-goalkeeper Danijel Subasic, il-midfielder Ivan Rakitic u l-attakkant Mario Mandzukic għamlu l-ispazju għal plejers iżgħar, u sakemm qabdu ftit tar-ritmu batew. Fil-fatt, fil-UEFA Nations League, xahrejn wara li ntemmet it-Tazza tad-Dinja, il-Kroati dabbru sitt gowl f’logħba kontra Spanja u spiċċaw fl-aħħar post tal-grupp.

Il-Kroati ser jivvjaġġaw lejn Wembley Stadium biex fit-13 ta’ Ġunju jaffaċċjaw lill-Ingilterra. U għalkemm tliet snin ilu rebħulhom fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja, din id-darba jidher li t-tim Ingliż huwa aktar b’saħħtu. Fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għal din l-edizzjoni, il-Kroati għaddew pjuttost b’mod faċli, imma fl-ewwel żewġ logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022, ma tantx impressjonaw. Bdew b’telfa kontra l-Islovenja 1-0, imbagħad rebħu bil-ħniena kontra Ċipru 1-0, sakemm infetħu xi ftit kontra Malta f’rebħa ta’ 3-0.

Jidher li l-midfielder Luka Modric ser ikun is-sinsla tat-tim, imma l-plejers l-oħra jridu jagħtu dak kollu li jafu jekk il-Kroati ma jridux jispiċċaw diżappuntati fil-fażi tal-gruppi.

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

Ħafna mill-plejers tar-Repubblika Ċeka jilagħbu ma’ Slavia Praga, it-tim li wasal sal-kwartifinali tal-UEFA Europa League fl-istaġun li għadda. Din hija s-seba’ kompetizzjoni konsekuttiva tal-Kampjonati Ewropej li fiha qed jilagħbu ċ-Ċeki. Ir-Repubblika Ċeka tibda l-impenji tagħha kontra l-Kroazja fl-14 ta’ Ġunju, u erbat ijiem wara jilagħbu fi Glasgow kontra l-Iskozja qabel jinżlu f’Londra biex jilagħbu kontra l-Ingilterra.

Il-kowċ Jaroslav Silhavy li għandu 59 sena, huwa l-istess wieħed li tliet snin ilu ma rnexxilux iwassal liċ-Ċeki sal-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tar-Russja.

L-ISKOZJA

L-Iskoċċiżi kienu ilhom ma jaslu għal turnew maġġuri sa mill-1998. Biex tgħaxxaqha telgħu fi grupp fejn hemm ir-rivali eterni, l-Ingilterra. U għalkemm huma ħafna li jemmnu li l-Ingliżi jirbħu l-grupp, l-Iskoċċizi jixtiequ jwettqu sorpriża, imma din mhux ser tkun faċli.

L-Iskozja waslet sal-Kampjonati Ewropej wara rebħa fuq is-Serbja fil-play-off. Dakinhar, il-ferħ fil-pajjiż kien wieħed kbir, għax wara aktar minn 20 sena ‘l bogħod minn kompetizzjonijiet simili, l-Iskoċċiżi jistgħu jduqu xi ftit mill-gost li kienu jieħdu fil-passat.

L-Iskozja ser tilgħab żewġ logħbiet f’Hampden Park quddiem pubbliku limitat, sakemm imorru Wembley biex jilagħbu kontra l-Ingilterra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA