Euro2020
UEFA EURO 2020 – Ħarsa lejn Grupp E

SPANJA

Għal din l-edizzjoni l-Ispanjoli għandhom inqas aspettattiva milli kellhom f’edizzjonijiet passati. Filwaqt li fil-passat l-Ispanjoli kienu jiftaħru bil-goalkeeper, issa m’għandhomx wieħed fiss, u d-deċiżjoni li Luis Enrique jħalli barra lil Sergio Ramos, kompliet titfa’ d-dubji dwar kemm Spanja tista’ tasal f’din l-edizzjoni.

Il-midja Spanjola kkrittikat bl-ikrah id-deċiżjoni tal-kowċ li jħalli lil Ramos barra, imma r-risposta t’Enrique kienet li l-wirjiet passati tiegħu xejn ma kienu sodisfaċenti minħabba l-injuries. Barra minn hekk, kien hemm ħafna kritika li ma ntagħżilx plejer wieħed ta’ Real Madrid, kif ukoll li għażel 24 plejer minn possibbilment 26.

Madanakollu, Spanja xorta huma l-favoriti li jirbħu Grupp E, meta ser jisfidaw lill-Iżvezja, il-Polonja u l-Islovakkja. Għalkemm fit-tim nazzjonali Spanjol hemm talent kbir, donnu m’hemmx koerenza u t-tim mhuwiex magħqud.

L-IŻVEZJA

Il-kowċ Janne Andersson qed jittama li ‘Generation Z’ jibbrillaw f’din l-edizzjoni. Ħafna mill-plejers kienu eċitati li ser jikkompetu flimkien m’Ibrahimovic, l-idolu għal ħafna minnhom, biss l-Iżvediż mhux ser ikun preżenti minħabba li jinsab imweġġa’. Andersson qed jittama li t-tim jasal aktar milli wasal fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, meta tliet snin ilu l-Iżvediżi kienu eliminati fil-kwartifinali.

It-tim Żvediż huma ffurmat minn diversi plejers żgħażagħ. Per eżempju, Alexander Isak twieled l-għada li Zlatan Ibrahimovich iddebutta ma’ Malmo FF fl-1999, filwaqt li plejers bħal Robin Quaison u Dejan Kulusevski ma jafux lill-Iżvezja mingħajr l-istilla tagħhom.

L-Iżvediżi għadhom qed jistennew li xi darba jirbħu turnew maġġuri. S’issa fl-istorja tagħhom, l-aktar li resqu qrib kien fl-1958 meta spiċċaw fit-tieni post fit-Tazza tad-Dinja, imbagħad spiċċaw it-tielet fl-edizzjoni tal-1994. It-tielet post ukoll meta fl-1992 il-Kampjonati Ewropej intrebħu mid-Danimarka. Fl-aħħar tliet edizzjonijiet l-Iżvediżi m’għaddewx mill-fażi tal-gruppi.

IL-POLONJA

Il-Pollakki kienu s-sorpriża tal-EURO 2016, meta f’dik l-edizzjoni waslu sal-kwartifinali. Biss f’din l-edizzjoni għandhom għadma iebsa biex jgħaddu mill-grupp, kontra l-Islovakkja, Spanja u l-Iżvezja.

Żgur li għall-kowċ il-ġdid Paulo Sousa din ser tkun edizzjoni diffiċli, inqas minn ħames xhur minn meta ħa lit-tim f’idejh. Il-Pollakki ilhom ma jimpressjonaw għal snin twal. Kien fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-1974 u l-1982 li l-Polonja spiċċat it-tielet, imma f’din l-edizzjoni hemm tama ġdida bl-attakkant Robert Lewandowski. L-istilla Pollakk għadu kif kiser rekord fil-Bundesliga, 41 gowl fi staġun wieħed ma’ Bayern Munich.

Din hija l-aħħar edizzjoni qabel it-tim Pollakk jgħaddi minn riforma sħiħa. Il-plejers li eċċellaw fl-EURO 2016, issa waslu biex jirtiraw u żgur ma jirnexxilhomx iwasslu sal-edizzjoni tal-2024.

Il-kalendarju tal-Pollakki kellu jinbidel wara li l-istadia ta’ Bilbao u Dublin ma setgħux jilqgħu fihom sa 25% tal-partitarji li jifilħu, u allura tneħħew minn din l-edizzjoni. L-ewwel logħba tal-Polonja hija fl-14 ta’ Ġunju kontra l-Islovakkja, imbagħad kontra Spanja fid-19 tax-xahar, filwaqt li l-aħħar logħba tkun kontra l-Iżvezja fit-23 ta’ Ġunju.

L-ISLOVAKKJA

Din hija t-tieni edizzjoni konsekuttiva li l-Islovakki ser ikunu qed jieħdu sehem. L-Islovakki ħallew għall-aħħar biex għaddew għall-edizzjoni għax kellhom jirbħu l-play-offs, imma r-rebħiet kontra l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq ikkonsolidaw il-wirjiet tat-tim.

Probabbli din l-edizzjoni tkun l-aħħar waħda tal-captain Marek Hamsik li għandu 33 sena, u li fil-karriera tiegħu skorja 26 gowl f’126 logħba bil-flokk nazzjonali. Fl-edizzjoni li għaddiet l-Islovakki waslu sar-Rawnd tas-16, imma mbagħad qas biss ikkwalifikaw għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2018.

It-tim Slovakk jidher b’saħħtu, imma hemm ftit dubji dwar il-konsistenza. Fl-ewwel tliet logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022, l-Islovakki għelbu lir-Russi 2-1, u ġew draw ma’ Ċipru u Malta, f’żewġ logħbiet li forsi kienu qed jistennew li jirbħu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA